Dwar l-Alleanza għall-Apprendistati L-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati (EAfA) hija pjattaforma b’ħafna partijiet ikkonċernati li għandha l-għan li: Issaħħaħ il-kwalità, il-forniment u l-perċezzjoni tal-apprendistati fl-Ewropa Tippromwovi l-mobbiltà tal-apprendisti Dawn l-għanijiet huma promossi permezz ta’ impenji nazzjonali u sħubiji volontarji mill-partijiet ikkonċernati. Min huma l-membri? Minbarra l-gvernijiet nazzjonali, il-membri tal-EAfA jinkludu kumpaniji u organizzazzjonijiet kummerċjali, kmamar tal-industrija, il-kummerċ u l-artiġjanat, fornituri ta’ edukazzjoni u taħriġ, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, awtoritajiet reġjonali u lokali, sħab soċjali, korpi u netwerks professjonali, kif ukoll istituti ta’ riċerka u gruppi ta’ riflessjoni. L-EAfA hija pjattaforma biex wieħed jikkondividi l-esperjenzi tiegħu u biex jitgħallem mill-aħjar prattika. Din tippermetti li l-membri: Isibu sħab Jippromwovu avvenimenti Jiżviluppaw ideat u attivitajiet ġodda Jipprovdu aċċess għall-aħbarijiet u l-għodod l-aktar reċenti fir-rigward tal-apprendistati L-Alleanza hija miftuħa għall-pajjiżi kollha tal-UE, tal-EFTA u għall-pajjiżi kandidati, kif ukoll għall-partijiet ikkonċernati minn dawn il-pajjiżi. X’inhuma l-benefiċċji? L-apprendistati jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol. Huma jikkombinaw taħriġ ibbażat fil-kumpaniji ma’ edukazzjoni bbażata fl-iskola, u jwasslu għal kwalifika rikonoxxuta fil-livell nazzjonali meta jiġu kkompletati. L-apprendisti jakkwistaw ħiliet siewja għall-post tax-xogħol f’ambjent professjonali, li jiżgura aktar impjegabbiltà fil-futur. Il-kumpaniji li jipprovdu appredistati x’aktarx li jibbenefikaw minn profitt nett fuq l-investiment tagħhom. Dan jista’ jseħħ jew matul l-apprendistat, jew inkella ftit wara billi jiġi impjegat ħaddiem imħarreġ kompletament. L-evidenza tissuġġerixxi li pajjiżi b’sistema b’saħħitha ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV) u ta’ apprendistat ikollhom livelli aktar baxxi ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ. Spiss ikun hemm relazzjoni kuntrattwali bejn l-impjegatur u l-apprendistat, bl-apprendistat ikun imħallas għal xogħlu. L-EAfA tippromwovi l-impjieg taż-żgħażagħ u tappoġġa l-għan tal-Garanzja għaż-Żgħażagħ, filwaqt li tnaqqas id-disparità bejn id-domanda u l-provvista tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol. X’sar sa issa? L-Alleanza mmobilizzat lill-Istati Membri tal-UE, tal-EFTA u l-pajjiżi kandidati tal-UE, kif ukoll għadd kbir ta’ partijiet ikkonċernati, biex ikunu involuti f’apprendistati ta’ kwalità tajba. Hija ffaċilitat in-netwerking, il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-prattika tajba, bis-Cedefop u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF) jipprovdu appoġġ strateġiku mill-esperti. L-Alleanza kkontribwiet ukoll għas-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tal-apprendistati.