Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Il-Protezzjoni Soċjali u l-Inkluzjoni Soċjali

L-Unjoni Ewropea tappoġġja u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-oqsma tal-inklużjoni soċjali u tal-protezzjoni soċjali.

Dan jinkludi firxa wiesgħa ta’ politiki għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-immodernizzar tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali ta’ gruppi speċifiċi, inklużi t-tfal, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni mingħajr dar.

Qafas tal-politika

Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi 20 prinċipju u dritt ewlenin essenzjali għal swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb. Il-Pilastru jirrappreżenta s-sinjal li jiggwida lill-UE lejn Ewropa soċjali b’saħħitha li tkun ġusta, inklużiva u mimlija opportunitajiet fis-seklu 21.

It-tielet kapitlu tal-Pilastru jkopri l-prinċipji l-aktar rilevanti għall-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali.

Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali - Pjan ta’ Azzjoni

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jfittex li jibdel il-prinċipji tal-Pilastru f’azzjonijiet konkreti għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

Il-Pjan ta’ Azzjoni ressaq tliet miri għall-2030 fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni għall-adulti u l-faqar, filwaqt li bena fuq l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-mira tal-faqar tal-2030 għandha l-għan li tnaqqas l-għadd ta’ persuni fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali b’mill-inqas 15-il miljun sal-2030, li minnhom hemm mill-inqas 5 miljun tifel u tifla.

F’Impenn Soċjali konġunt ta’ Porto ta’ Mejju 2021, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-President tal-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru Portugiż li dak iż-żmien kellu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, is-sħab soċjali Ewropej u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ffirmaw l-impenn tagħhom għat-tliet miri ewlenin tal-2030. Il-miri ntlaqgħu wkoll mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2021.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ħabbar ukoll għadd ta’ inizjattivi bħala appoġġ għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru. 

Fil-qasam tal-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali, l-inizjattivi rilevanti jinkludu:

  • ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal, 
  • proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-introjtu minimu,
  • Pjattaforma Ewropea dwar il-Ġlieda kontra l-Kondizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar,
  • rapport tal-UE dwar l-aċċess għal servizzi essenzjali, inizjattiva dwar il-kura fit-tul,
  • Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-futur tal-protezzjoni soċjali u tal-istat soċjali fl-UE,
  • gwida dwar l-użu ta’ valutazzjoni tal-impatt distributtiva ex ante.

Monitoraġġ u Koordinazzjoni tal-Politika

Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali

Biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-Pilastru, tressqet Tabella ta’ valutazzjoni soċjali aġġornata mill-Kummissjoni Ewropea fil-bidu tal-2021 u ġiet approvata mill-Ministri tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Unjoni Ewropea f’Ġunju 2021.

It-Tabella ta’ valutazzjoni soċjali tirrifletti l-istruttura tal-Pilastru u fiha sett iddedikat ta’ indikaturi fil-qasam tal-inklużjoni u tal-protezzjoni soċjali. L-indikaturi ewlenin jinkludu l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali – l-indikatur użat għall-mira tal-faqar tal-2030.

Semestru Ewropew

Is-Semestru Ewropew huwa qafas stabbilit sew għall-koordinazzjoni tar-riformi u l-investimenti ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali.  Mill-2018 il-prinċipji tal-Pilastru ġew integrati fiċ-ċiklu kollu tas-Semestru Ewropew

Ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi u r-rapporti tal-pajjiżi fihom analiżi ddedikata tas-sitwazzjoni soċjali fl-UE u fl-Istati Membri. L-isfidi nazzjonali u s-soluzzjonijiet proposti huma riflessi fir-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Pajjiżi.

Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali

Il-Kummissjoni taħdem flimkien ma' pajjiżi tal-UE permezz tal-Kumitat dwar il-Protezzjoni Soċjali bl-użu tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni fl-oqsma tal-inklużjoni soċjali, il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul u l-pensjonijiet (OMC soċjali).

L-OMC soċjali hu proċess volontarju għall-kooperazzjoni politika bbażat fuq il-qbil ta' għanijiet komuni u l-kejl tal-progress lejn dawn l-għanijiet bl-użu ta' indikaturi komuni. Il-proċess jinvolvi wkoll kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati, inklużi s-Sħab Soċjali u s-soċjetà ċivili.

Finanzjament

L-implimentazzjoni tar-riformi ta’ politika hija appoġġjata mill-Fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Ixxerja din il-paġna