Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Ħiliet u kwalifiki

Il-mod kif naħdmu, nitgħallmu, nintegraw fis-soċjetà u ngħixu ħajjitna jinbidel kontinwament f'konformità ma’ żviluppi teknoloġiċi, sfidi globali u demografiċi. Il-ħiliet it-tajba jgħinu lill-individwi biex jaġġustaw għal dawn il-bidliet u jiżguraw il-benesseri tagħhom filwaqt li jikkontribwixxu għas-soċjetà, għall-produttività u għat-tkabbir ekonomiku.

Illum il-persuni jridu jkunu mgħammra b’varjetà ta’ kompetenzi li jvarjaw minn ħiliet bażiċi, bħal-litteriżmu, il-kitba numerika u diġitali, għal ħiliet vokazzjonali  jew tekniċi kif ukoll ħiliet intraprenditorjali u ħiliet trasversali, bħal-lingwi barranin jew il-ħila li jitgħallmu u jieħdu inizjattiva.

L-Ewropa llum qed tiffaċċja numru ta’ sfidi:

  • Proporzjon għoli mhux aċċettabbli ta’ Ewropej - wieħed minn ħamsa - għadhom qed jitħabtu mal-qari u l-kitba, u hemm numru akbar li għandhom ħiliet numeriċi jew diġitali baxxi. Sehem sinifikanti ta’ migranti u ta' dawk li jfittxu ażil m'għandhomx ħiliet bażiċi u għandhom għarfien baxx tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti, għalhekk huma f'riskju għoli ta' qgħad, faqar u esklużjoni soċjali.
  • Ħafna fl-Ewropa ma jistgħux isibu impjieg minħabba li m'għandhomx il-ħiliet it-tajba jew qed jaħdmu f'impjiegi li ma jaqblux mat-talenti tagħhom. Fil-fatt, 30% tal-gradwati b’edukazzjoni ogħla qed jaħdmu f'impjiegi li m'għandhomx bżonn ta' kwalifika universitarja.
  • Fl-istess ħin, 40% tal-impjegaturi ma jistgħux isibu nies b'kompetenzi xierqa biex jimlew il-postijiet vakanti tagħhom, u ftit nies għandhom il-preparazzjoni, il-mentalitajiet u l-ħiliet biex jistabbilixxu n-negozji tagħhom stess jew ifittxu opportunitajiet ġodda.

L-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Ewropa huma l-kompetenza tal-Istati Membri. Is-swieq tax-xogħol nazzjonali u reġjonali u s-sistemi edukattivi huma ffaċċjati bl-isfidi speċifiċi tagħhom stess iżda l-Istati Membri jiffaċċjaw problemi u opportunitajiet simili.

Huwa għalhekk li l-inizjattivi Ewropej għall-ħiliet għandhom l-għan li jimmobilizzaw lill-partijiet interessati Ewropej kollha fil-linji ta’ azzjoni li ġejjin:

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi relatati mal-iżvilupp tal-ħiliet għal kull pajjiż huma indirizzati lil għadd kbir ta’ Stati Membri kull sena biex jiggwidawhom fit-tfassil tal-politika nazzjonali tagħhom.

Appoġġ għal żvilupp ta’ strateġiji nazzjonali dwar il-ħiliet flimkien mal-OECD, huwa disponibbli biex jgħin lill-Istati Membri jfasslu tweġibiet ta' politika konkreti, filwaqt li l-fondi tal-UE jgħinu biex iwettqu fil-prattika l-politika li tkun ġiet imfassla.

Il-Kummissjoni pproponiet serje ta’ azzjonijiet ta' politika fil-passat biex tindirizza l-isfidi u l-kwistjonijiet ewlenin rigward il-kompetenzi inkluż "Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda" u Ħarsa Ġdida lejn l-Edukazzjoni.

Fl-10 ta’ Ġunju 2016, adottat Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa ġdida u komprensiva, li tipproponi għaxar azzjonijiet biex tgħin lill-persuni fl-Ewropa jiġu mgħammra b'ħiliet aħjar.

Ixxerja din il-paġna