Il-protezzjoni tad-data personali

L-Unjoni Ewropea hi impenjata li tiżgura l-privatezza tal-utent.

Il-politika dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq ir-Regolament (UE) 2018/1725 dwar il-protezzjoni ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE.

Din il-politika tkopri s-siti web kollha tal-Kummissjoni Ewropea fid-dominju ec.europa.eu. Għalkemm tista' tibbrawżja fil-biċċa l-kbira ta' dawn is-siti web mingħajr ma tagħti informazzjoni personali, f'xi każijiet, l-informazzjoni personali hija meħtieġa sabiex jiġu pprovduti s-servizzi elettroniċi li titlob.

Is-siti web li jirrikjedu informazzjoni bħal din jittrattawha f’konformità sħiħa mar-regolament imsemmi hawn fuq u jipprovdu informazzjoni dwar l-użu tad-data tiegħek fl-istqarrijiet speċifiċi tagħhom li jikkonċernaw il-politika dwar il-privatezza.

F'dan ir-rigward

  • għal kull servizz elettroniku, kontrollur jiżgura l-konformità mal-politika ta’ privatezza
  • għall-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jiżgura li r-regolament hu applikat u jagħti pariri lill-kontrolluri dwar it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom

  • għall-istituzzjonijiet kollha, il-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data jaġixxi bħala awtorità superviżorja indipendenti

Is-siti web tal-Kummissjoni Ewropea fid-dominju ec.europa.eu jistgħu jipprovdu links għal siti terzi. Sabiex tuża kontenut ta’ parti terza fuq is-siti web tagħna, jista’ jkollok bżonn taċċetta t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi tagħhom, inklużi l-politiki tagħhom dwar il-cookies li ma jkollna l-ebda kontroll fuqhom.

Servizzi elettroniċi

Servizz elettroniku fuq Europa hu servizz jew riżorsa li jtejjeb il-komunikazzjoni bejn in-nies u l-istituzzjonijiet Ewropej.

Hemm 3 tipi ta’ servizzi elettroniċi offruti minn Europa:

  • servizzi ta’ informazzjoni li jipprovdu aċċess faċli u effettiv għall-informazzjoni
  • servizzi ta’ komunikazzjoni interattivi biex jiffaċilitaw il-konsultazzjonijiet u l-feedback
  • servizzi ta’ tranżazzjonijiet li jippermettu forom bażiċi ta’ tranżazzjonijiet mal-UE bħall-akkwist, operazzjonijiet finanzjarji, reklutaġġ, reġistrazzjoni għal avveniment, u ordni ta’ dokumenti

Informazzjoni fi stqarrija speċifika ta’ privatezza

Stqarrija speċifika tal-politika dwar il-privatezza jkollha l-informazzjoni li ġejja dwar l-użu tad-data tiegħek

  • liema informazzjoni tinġabar
  • għal liema skop tinġabar
  • il-mezzi tekniċi li bihom tinġabar
  • min jara l-informazzjoni tiegħek
  • kif tista’ taċċessa, tivverifika l-preċiżjoni tagħha u tikkoreġi l-informazzjoni tiegħek
  • għal kemm żmien tinżamm id-data tiegħek
  • liema miżuri ta’ sigurtà jittieħdu biex jissalvagwardjaw l-informazzjoni tiegħek
  • lil min tikkuntattja jekk għandek mistoqsijiet jew ilmenti

Europa Analytics

Europa Analytics hu s-servizz korporattiv li jkejjel l-effettività u l-effiċjenza tas-siti web tal-Kummissjoni Ewropea fuq Europa.

Inti liberu li tirrifjuta l-użu ta’ dan is-servizz – jew permezz tal-banner tal-cookies li se jidher fl-ewwel paġna li żżur jew fuq Europa Analytics.

L-għażla li ma tużax dan is-servizz ma taffettwax l-esperjenza ta’ navigazzjoni tiegħek fis-siti Europa.

Iktar informazzjoni dwar Europa Analytics

Ikkuntattja siti ta’ Europa

Ħafna paġni web fuq Europa għandhom buttuna ta’ kuntatt, li tattiva s-software tal-email tiegħek u tistiednek biex tibgħat il-kummenti tiegħek f’mailbox speċifika.

Meta tibgħat dawn il-messaġġi, id-data personali tinġabar biss biex ikun hemm tweġiba.

L-email tiegħek se jintbagħat lil servizz ieħor jekk it-tim responsabbli mill-mailbox ma jkunx jista’ jwieġeb il-mistoqsija tiegħek. Tiġi infurmat b’email dwar liema servizz tkun ġiet mgħoddija l-mistoqsija tiegħek.

Jekk ikollok xi mistoqsijiet dwar l-ipproċessar tal-email tiegħek u d-data personali relatata, inkludihom fil-messaġġ tiegħek.

Is-salvagwardja tal-informazzjoni

Id-data personali miġbura tinħażen mill-Kummissjoni Ewropea skont id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

F'dawk il-każijiet fejn id-data personali miġbura tinħażen fuq kompjuter ta’ sottokuntrattur estern li jaġixxi bħala proċessur, dan hu marbut bi klawżoli kuntrattwali speċifiċi u minn obbligi ta’ kunfidenzjalità li jirriżultaw mir-regolament dwar il-protezzjoni tad-data ta’ April 2016. 

 

Il-verifika, il-modifika jew it-tħassir tal-informazzjoni

Jekk tkun trid tivverifika, timmodifika jew tħassar id-data personali tiegħek maħżuna mis-sit web Europa u s-subsiti tiegħu, tista’ tikkuntattja lill-unità tal-Komunikazzjoni ta’ Europa Web fid-DĠ Komunikazzjoni permezz tal-formola hawn taħt.
Fl-email tiegħek, iddikjara b’mod ċar in-natura tat-talba tiegħek (verifika, modifika jew tħassir ta’ data personali ppubblikata fis-siti web Europa) u inkludi l-URL tas-sit web/paġni web li tirreferi għalihom it-talba tiegħek.