Dan is-sit ġie arkivjat (18/07/2014)
18/07/2014

Mogħdija tan-navigazzjoni

Industrija u Intraprenditorija

Il-globalizzazzjoni

Il-globalizzazzjoni hija opportunità

Il-globalizzazzjoni hija opportunità. Żgur li hemm żvantaġġi, iżda dawn jistgħu jkunu potenzjalment ikkumpensati minn għadd ta’ vantaġġi ta’ swieq barranin verament miftuħa, fejn il-kumpaniji jistgħu jagħmlu l-qligħ mhux biss minn tariffi aktar baxxi iżda wkoll minn standards komuni, proċeduri amministrattivi armonizzati u opportunitajiet ġodda biex ikunu jistgħu jitfgħu l-offerti tagħhom għal kuntratti ta’ akkwist barrani. Dan jista’ jressaqna lejn il-viżjoni ta’ suq intern madwar id-dinja kollha, fejn il-benefiċċji tas-suq uniku Ewropew jiġu estiżi u multiplikati fuq skala dinjija. Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata biex dan il-potenzjal isir realtà.

Pereżempju, il-Kummissjoni Ewropea se tieħu t-tmun f'riforma internazzjonali għall-ftehim tal-1958 tal-UNECE dwar ir-regolamenti dwar il-vetturi. Din l-inizjattiva tiġbor flimkien is-27 Stat Membru tal-UE rappreżentati mill-Kummissjoni kif ukoll il-Ġappun, il-Federazzjoni Russa, il-Korea t’Isfel, l-Afrika t’Isfel u l-Awstralja. Dawn il-pajjiżi qablu dwar is-sikurezza u r-regolamenti ambjentali armonizzati għall-vetturi, li jippermettu lill-produtturi tal-karozzi biex igawdu mill-benefiċċji ta’ tnaqqis tal-ispejjeż ta’ konformità u ekonomiji ta’ skala.

“Il-globalizzazzjoni hija waħda mis-soluzzjonijiet għal kriżi tal-Unjoni Ewropea, mhux il-problema. Iżda sabiex naħtfu l-potenzjal tagħha, jeħtieġ li jkunu żviluppati standards komuni u proċeduri armonizzati mal-imsieħba kummerċjali tagħna biex jitneħħew l-ostakli tanġibbli li jwaqqfu lill-kumpaniji tagħna minn aċċess reali għas-swieq barranin.”

Il-proposti ta’ riforma mmexxija mill-Kummissjoni għandhom l-għan li jistabbilixxu karozzi b'tip ta' approvazzjoni madwar id-dinja, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ karozza “ittestjata darba, aċċettata kullimkien fid-dinja”. Dan ifisser li fil-ġejjieni, kwalunkwe karozza prodotta f’konformità ma’ dawn ir-regolamenti jistgħu jiġu kkummerċjalizzati f’kull pajjiż li huwa membru tal-inizjattiva. L-UE tappoġġja wkoll din l-inizjattiva billi tinnegozja Ftehimiet Bilaterali ta’ Kummerċ Ħieles ma’ msieħba kummerċjali ewlenin li permezz tagħhom huma wkoll eliminati ostakli mhux tariffarji oħra. 

Dalwaqt se jibda staġun ġdid ta’ taħdidiet bilaterali tal-UE, li jinvolvu msieħba ewlenin bħall-Istati Uniti u l-Ġappun. L-UE għandha ħafna x’tiggwadanja minn din il-fażi ġdida tal-globalizzazzjoni, iżda biex tagħmel dan huwa kruċjali li l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ ftehimiet ma jiffokawx esklussivament fuq it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tad-dazji. Jeħtieġ li nneħħu l-ostakoli kollha li għadhom ifixklu l-aċċess għal swieq ta' pajjiżi mhux fl-UE.

Biex jintlaħaq dan l-għan, huwa kruċjali li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ msieħba kummerċjali tal-UE dwar l-istandards, ir-regoli dwar il-prodott u l-proċeduri amministrattivi. L-iżvilupp ta' standards industrijali komuni, l-eliminazzjoni ta' regoli konfliġġenti u l-armonizzazzjoni ta' prattiċi burokratiċi għandhom ikunu l-ogħla prijorità. Ħafna drabi l-produtturi tal-UE jitħabtu biex ikollhom aċċess għal konsumaturi barranin minħabba ostakli amministrattivi jew tekniċi. Differenzi żgħar fir-regoli u l-istandards jikkawżaw ħsara ekonomika kbira lill-industrija tagħna billi jwaqqfu l-bejgħ barrani, jew billi jġiegħlu adattamenti li jqumu ħafna flus ta’ linji tal-immuntar.

Huma prinċipalment il-produtturi l-kbar li għandhom ir-riżorsi biex jaġġustaw il-prodotti tagħhom għal ambjenti legali u tekniċi differenti. Ir-riżultat huwa li atturi iżgħar, bħal impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), huma ta’ spiss imċaħħda mill-benefiċċji tal-aċċess għal swieq ta' pajjiżi mhux fl-UE. Idealment, il-Kummissjoni tixtieq ittemm din is-sitwazzjoni.

Is-swieq miftuħa għandhom jipprovdu wkoll aċċess lill-kumpaniji tal-UE għal proġetti pubbliċi barra minn pajjiżhom. F’ħafna mill-pajjiżi barra mill-UE, l-infiq totali tal-gvern jammonta għal 15-20 % tal-PGD, iżda parti limitata ħafna biss minn din in-nefqa hija miftuħa għan-negozji barranin. Filwaqt li fl-UE kważi 85% tas-suq tal-akkwisti pubbliċi huwa miftuħ (b’valur totali ta’ aktar minn €350 biljun), 32% biss tal-akkwisti pubbliċi tal-Istati Uniti jiġu offruti lill-offerenti barranin (għal valur totali ta' inqas minn €180 biljun). Fil-Ġappun, il-kumpaniji barranin jista' jkollhom aċċess għal 28% biss tas-suq tal-akkwisti (€27 biljun). Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li tibdel din is-sitwazzjoni u tistabbilixxi relazzjonijiet ġodda fit-tul abbażi ta’ reċiproċità reali.

Għal aktar tagħrif Deutsch (de) English (en) français (fr)

L-aħħar aġġornament: 18/07/2014 |  Fuq