Dan is-sit ġie arkivjat (18/07/2014)
18/07/2014

Mogħdija tan-navigazzjoni

Industrija u Intraprenditorija

Il-materja prima

Il-materja prima hi ta’ importanza

Il-materja prima hi l-bażi tal-industrija. Ebda manifattur ma jista’ jibqa’ kompetittiv mingħajr aċċess ġust għall-elementi fundamentali li minnhom jiddependu l-prodotti finali tiegħu. L-Ewropa ilha fit-tmun tar-rivoluzzjoni industrijali u tibqa’ waħda mill-ogħla potenzi industrijali, iżda d-depożiti tal-materja prima tagħha huma limitati. Biex tinżamm il-kompettività industrijali tal-Ewropa hu għalhekk meħtieġ li jiġu garantiti l-provvisti ta’ firxa wiesgħa ta’ materja prima minn pajjiżi terzi.

Il-batteriji tan-nikil, komponent prinċipali tat-telefowns ċellulari, il-laptops u l-karozzi ibridi, jeħtieġu l-lantanu, wieħed minn lista ta’ 17-il element metalliku rari li minnhom l-Ewropa għandha ftit ħafna. L-apparat mediku u t-tagħmir ottiku jeħtiġilhom it-tantalu, metall li jinsab biss fil-Brażil u fl-Awstralja. Sal-lum, 14-il materjal huma meqjusin kritiċi minħabba li huma kruċjali għall-industrija tal-UE, iżda dawn jinsabu nieqsa fiha u huma wkoll diffiċli li jiġu akkwistati fi swieq barranin.

“Għalkemm ebda pajjiż fid-dinja ma għandu l-materja prima kollha li jeħtieġ, l-Ewropa hi partikularment vulnerabbli minħabba li tiddependi fuq l-importazzjonijiet ta’ ħafna mill-materja prima importanti. Din hi r-raġuni għaliex it-tfittxija ta’ alleanzi u ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn saret element ewlieni tal-Istrateġija Ewropea dwar il-materja prima. Biex dan ikun ta’ suċċess hu kruċjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu flimkien u jimxu fl-istess direzzjoni.”

Il-lista tista’ titwal billi aktar ma jgħaddi ż-żmien is-swieq tal-materja prima aktar qed jitgħawġu mill-politiki protezzjonisti tal-kummerċ bħal taxxi tal-esportazzjoni, dazji ta’ importazzjoni, iffissar ta’ prezzijiet, u regoli restrittivi għall-investiment. Pereżempju, fl-2012 l-UE ppreżentat ilment lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ kontra ċ-Ċina minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet ta’ elementi metalliċi rari. Id-domanda dinjija għall-materja prima qed tiżdied ukoll, din qed twassal għal żieda fil-prezzijiet.

F’din is-sitwazzjoni, meħtieġa “Diplomazija fil-Materja Prima” bbażata fuq approċċ komprensiv mal-imsieħba globali tagħna li juża l-kummerċ, l-iżvilupp u l-aċċess għall-materja prima bħala parti mill-għodda tan-negozjati. Hekk kif qed niftħu s-suq Ewropew tagħna – l-akbar wieħed fid-dinja – għall-kompetizzjoni barranija, b’mod reċiproku għandna wkoll ikunu riżoluti fl-għan tagħna li nakkwistaw riżorsi barranin, b’kundizzjonijiet ġusti.

Bħalissa jinsabu għaddejjin djalogi dwar l-aċċess għall-materja prima ma’ varjetà wiesgħa ta’ msieħba li jinkludi l-Arġentina, iċ-Ċina, il-Groenlandja, il-Ġappun, il-Messiku, ir-Russja u l-Istati Uniti tal-Amerika. Issa hu importanti li dawn id-djalogi jinbidlu f’bażi għal ftehimiet definittivi.

Il-kooperazzjoni mal-Groenlandja

B’mod partikulari, nixtiequ nintensifikaw il-kooperazzjoni mal-Groenlandja għall-benefiċċju taż-żewġ partijiet, bl-użu ta’ infrastrutturi u investimenti konġunti jew il-bini tal-kapaċità fl-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tal-materja prima. F’Ġunju 2012 f’Nuuk, f’isem il-Kummissjoni Ewropea, iffirmajt ittra ta’ intenzjoni dwar il-kooperazzjoni f’dan il-qasam. Il-kofirmatarji tiegħi kienu l-Kummissarju għall-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-UE Andris Piebalgs u l-Prim Ministru Kuupik Kleist tal-Groenlandja. Attwalment madwar 58% tal-kumpaniji tal-esplorazzjoni li joperaw fil-Groenlandja huma kumpaniji Kanadiżi jew Awstraljani. Is-sehem tal-operat tal-kumpaniji tal-UE fil-Groenlandja hu biss ta’ 15% (iġġenerat mid-Danimarka, il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju Unit). Għalkemm il-kumpaniji tal-Ewropa għandhom tlieta mill-erba’ liċenzji għall-esplojtazzjoni fil-Groenlandja, il-kumpaniji Ewropej għandhom livell baxx ta’ involviment fl-attivitajiet tal-esplorazzjoni korrenti u għandhom biss ftit liċenzji għall-esplorazzjoni (l-aktar proprjetà tar-Renju Unit, il-Ġermanja u d-Danimarka).

Aċċess għall-materja prima:Ħolqien ta' relazzjoni preferenzjali mal-Afrika

Fir-raba’ laqgħa bejn il-Kulleġġi tal-UA-UE fit-8 ta’ Ġunju 2010 f’Addis Ababa, iddiskutejt aspetti importanti fir-relazzjoni bejn iż-żewġ kontinenti: politika sostenibbli biex jittejjeb l-aċċess għall-materja prima u l-opportunitajiet biex titrawwem l-integrazzjoni reġjonali u l-infrastruttura, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ applikazzjonijiet spazjali.

Rigward l-aċċess għall-materja prima, il-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana (KUA) u l-Kummissjoni Ewropea qablu li jaħdmu flimkien dwar il-governanza, l-infrastruttura u t-tagħrif u l-kapaċitajiet ġeoloġiċi.

F’Jannar 2012 fi Brussell saret Konferenza ta’ Livell Għoli dwar is-Sħubija tal-UE u l-Afrika dwar il-Materja Prima – Nikkonvertu r-rikkezza tar-riżorsi minerali fi żvilupp reali għall-Afrika.

Fl-Inizjattiva dwar il-Materja Prima (RMI) tagħha l-Kummissjoni impenjat ruħha li tkompli tivvaluta – flimkien mal-pajjiżi Afrikani – il-fattibbiltà li tassisti aktar fil-kooperazzjoni bejn is-servejs ġeoloġiċi taż-żewġ kontinenti u biex tippromwovi kooperazzjoni relatata f’fora multilaterali bħall-Programm Geosciences tal-UNESCO.

Studju bl-iskop ta’ dan is-suġġett għandu jibda fl-2013. Hu għandu l-għan li jistabbilixxi proġetti konġunti għat-titjib tat-tagħrif dwar id-depożiti Afrikani, li jitwaqqaf netwerk għat-twassil ta’ taħriġ għas-servejs Afrikani, u l-iskambju u diġitalizzazzjoni tad-dejta.

Is-servejs ġeoloġiċi Ewropej għandhom rwol kruċjali x’jaqdu f’dan il-proċess.

Inżidu l-produzzjoni proprja tal-materja prima Ewropea

Hu importanti wkoll li ntejbu s-sostenibilità tal-proġetti tal-minjieri fl-Ewropa. Hu importanti li jittejjeb il-qafas regolatorju Ewropew tal-materja prima sabiex tiġi żgurata provvista stabbli u kompetittiv ta’ materja prima minn sorsi tal-UE. Barra minn hekk, billi r-riżorsi tagħna huma limitati, jeħtiġilna napprofittaw ruħna mill-opportunitajiet teknoloġiċi tagħna, filwaqt li fl-istess ħin iżommu s-sostenibilità tal-industrija tal-minjieri tagħna.

Ġie stmat li l-valur tar-riżorsi minerali Ewropej li mhux sfruttat f'fond bejn 500 u 1,000 metru hu ta' €100 biljun. Din hi r-raġuni għaliex ġiet stabbilita mill-Kummissjoni s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-materja prima biex tiżdied il-produzzjoni proprja tal-Ewropa. Hi tgħaqqad flimkien il-kapital u r-riżorsi umani, l-Istati Membri, il-kumpaniji u r-riċerkaturi bi sforzi konġunti tal-innovazzjoni biex jappoġġjaw l-esplorazzjoni, l-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-materja prima. Teknoloġiji ġodda se jgħinu b’estrazzjoni aktar profonda, f'żoni aktar remoti u f’kundizzjonijiet aktar ebsin. Meħtieġa wkoll azzjoni għall-iżvilupp ta’ sostituti għall-materja prima kritika u għat-titjib tar-riċiklaġġ ta’ 17-il kg skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku li llum il-ġurnata kull ċittadin tal-UE jipproduċi fis-sena.

Għal aktar tagħrif

L-aħħar aġġornament: 18/07/2014 |  Fuq