Dan is-sit ġie arkivjat (18/07/2014)
18/07/2014

Mogħdija tan-navigazzjoni

Industrija u Intraprenditorija

L-osservazzjoni tad-dinja

Copernicus

Issuq ir-rota fil-belt iżda mħasseb dwar it-tniġġis tal-arja? Soluzzjoni definittiva mhix disponibbli minnufih, iżda applikazzjoni ġdida tal-UE tista' tgħinek tevita li ssuq ir-rota fi ġranet b’livell baxx ta’ kwalità tal-arja. Dan hu possibbli bis-saħħa ta' Copernicus, il-programm Ewropew ta’ osservazzjoni tad-dinja, li jipprovdi aċċess fil-ħin reali għad-dejta dwar it-tniġġis tal-arja.

Is-servizz ObsAIRve hu biss wieħed minn diversi applikazzjonijiet li jużaw il-fluss tad-dejta vitali miġbura mis-satelliti li jagħmlu parti minn Copernicus, li jaħdem flimkien ma' infrastruttura kruċjali bbażata fuq l-art.

Osservazzjoni tad-dinja avvanzata se tgħin biex jiġu mmonitorjati u ma jitħallewx iseħħu tibdiliet ambjentali perikolużi, bħal pereżempju t-tixrid ta’ gassijiet li jikkawżaw l-effett serra, it-tnaqqis tas-saff tal-ożonu jew il-livelli varjabbli ta’ radjazzjoni solari ultravjola li jaslu sal-art. Għarfien akbar ta’ dawn il-fenomeni hu kruċjali biex ikun hemm kontrobilanċ għalihom b’mod effettiv.

"Copernicus bħala programm issa laħaq stadju ta' maturità u s-servizzi kollha tiegħu dalwaqt se jidħlu fil-fażi operattiva. Bis-saħħa ta' aċċess akbar għad-dejta, ir-rata ta' użu tiegħu mill-utenti se tiżdied, biex b'hekk ikun hemm kontribut għal dak it-tkabbir li aħna tant neħtieġu llum il-ġurnata”.

Copernicus se jkun siewi wkoll għas-sigurtà tal-pjaneta u l-komunitajiet tagħna. Għandu, pereżempju, jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra katastrofi naturali u dawk maħluqin mill-bnedmin biex b'hekk jippermettilna li ngħollu l-kwalità u l-ħeffa tar-rispons ta’ emerġenza.

Dan se jipproteġi wkoll infrastruttura kritika kontra r-riskju ta’ attakki terroristiċi, u jipprovdi informazzjoni f’waqtha u ewlenija lill-gwardji kostali fil-kompiti tal-isfidi tagħhom li dejjem qed jiżdiedu li jgħassu l-baħar u l-fruntieri marittimi.

Iċ-ċittadini jistgħu wkoll jibbenefikaw minn opportunitajiet kummerċjali li Copernicus se jiġġenera. Madwar 38,000 impjieg ġdid huma mistennija li jinħolqu bis-saħħa ta' dan il-programm bejn l-2015 u l-2030, bi profitt finanzjarju globali ta’ madwar €30 biljun.

Is-setturi affettwati pożittivament minn Copernicus x’aktarx ikunu s-servizzi tal-manifattura tal-ispazju, tal-produzzjoni u tal-propagazzjoni tad-dejta. Indirettament, varjetà ta’ setturi ekonomiċi oħrajn se jibbenefikaw mill-użu ta’ osservazzjoni preċiża tad-dinja, bħalma huma l-ilma, it-trasport, iż-żejt u l-gass, l-assigurazzjoni mhux tal-ħajja, l-agrikultura jew l-elettriku.

Il-Kummissjoni Ewropea ilha taħdem fuq dan il-proġett mill-aħħar tad-disgħinijiet, meta flimkien mal-Aġenzija Spazjali Ewropea hi nediet il-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES).

Copernicus hu sempliċement l-isem il-ġdid għall-GMES. Il-bidla fl-isem mhix aċċidentali peress li tikkoinċidi ma' impetu ġdid lill-proġett. Billi x-xjenzjat Nicolaus Copernicus kien il-katalizzatur li ġegħelna nifhmu aħjar id-dinja tagħna fis-seklu sittax, bl-istess mod dan il-programm li llum iġorr ismu se jagħtina għarfien approfondit tal-pjaneta tagħna li dejjem qed tinbidel, li jippermettilna nieħdu azzjonijiet konkreti biex titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

Aktar informazzjoni English (en)

L-aħħar aġġornament: 18/07/2014 |  Fuq