Dan is-sit ġie arkivjat (18/07/2014)
18/07/2014

Mogħdija tan-navigazzjoni

Industrija u Intraprenditorija

Azzar

Niżguraw il-ġejjieni għall-industrija tal-azzar fl-Ewropa

L-Ewropa tal-lum twieldet bl-azzar. Wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) saret l-ewwel nukleu ta’ dik li llum hi l-Unjoni Ewropea. Minn dakinhar 'l hawn l-affarijiet inbidlu, iżda s-settur jibqa’ importanti għall-ekonomija tal-UE minħabba li din timpjega 360,000 persuna madwar 23 Stat Membru u hi tipprovdi wieħed mill-aktar materjali bażiċi li minnu hi magħmula l-biċċa l-kbira tad-dinja tagħna, mill-bini sal-friġġijiet.

Jekk tiċċaħħad mill-produzzjoni tal-azzar tagħha, l-industrija Ewropea ma tkunx tista' tiffunzjona. Il-fabbriki tal-karozzi, it-tarzni, il-makkinarju, id-difiża u s-settur tal-kostruzzjoni jkollhom ifittxu l-materjal ewlieni tagħhom f'pajjiżi barranin, bi prezzijiet ogħla.

"Mill-1951 'l hawn, il-proġett Ewropew inbena abbażi tal-faħam u tal-azzar. Iżda wara l-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA fl-2002, is-settur tal-azzar tħalla kemxejn għal riħu. Għalhekk, wasal iż-żmien biex jingħata interess ġdid lill-azzar. Neħtieġu l-azzar, mhux biss għall-kostruzzjoni u l-industriji tal-karozzi, iżda wkoll jekk irridu nieħdu vantaġġ mis-sorsi ta’ tkabbir ekoloġiku tagħna. Is-settur tal-azzar jibqa’ settur strateġiku għall-Ewropa, u jeħtieġ li ngħaqdu l-isforzi tagħha biex negħlbu flimkien il-kriżi attwali."

Il-Kummissjoni Ewropea trid u għandha bżonn iżżomm livelli suffiċjenti tal-produzzjoni tal-azzar fl-Ewropa, minkejja t-tendenza ta’ bidliet f’daqqa fl-industrija dinjija.

L-UE tibqa’ t-tieni l-akbar produttur fid-dinja, għalkemm is-sehem tal-UE tal-produzzjoni dinjija tal-azzar niżel minn 22% għal 12% bejn l-2001 u l-2011. Il-produzzjoni tal-azzar tal-UE hi madwar 17% taħt il-livelli tal-2007, b'25% tal-kapaċità ta’ produzzjoni tagħna mhux użata. B’konsegwenza ta’ dan, bosta fabbriki ġew imġiegħla jagħlqu jew qed jiffaċċjaw l-għeluq.

Biex tinbidel is-sitwazzjoni, jeħtiġilna nistabbilixxu mill-ġdid id-domanda għall-azzar fl-Ewropa, li bħalissa tinsab ferm baxxa minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika.

Soluzzjoni għall-kriżi permezz ta' politika tajba għall-investiment mistennija terġa’ tattiva l-konsumaturi tal-azzar ewlenin fl-Ewropa, jiġifieri s-setturi tal-karozzi u tal-kostruzzjoni. Huma jassorbixxu madwar 40% tal-baġit totali tal-produzzjoni tal-azzar. Il-Kummissjoni pproponiet għadd ta’ miżuri preċiżi biex tniedi mill-ġdid iż-żewġ setturi.

Huwa kruċjali wkoll li ssir reviżjoni tal-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima, biex din tkun aktar flessibbli. L-Ewropa tinsab fuq quddiem nett tar-rivoluzzjoni ekoloġika, u għandha żżomm postha. Iżda, billi tisforza lil dawk li jipproduċu l-azzar biex jimxu ’l barra mill-UE sabiex jaħarbu regoli ambjentali u tassazzjoni stretti, mhux se tkun qed ittejjeb il-qagħda tal-Ewropa fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Il-pjaneta qed tbati minħabba gassijiet b'effett serra, irrispettivament minn fejn qed jiġu ġenerati. Billi l-produzzjoni tal-azzar dinjija qed tiżdied, irridu nippromwovu l-produzzjoni fl-Ewropa fejn l-ambjent hu protett aħjar milli hu f’pajjiżi li l-anqas biss ma ffirmaw il-Protokoll ta’ Kjoto tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima. Dan se jgħin il-pjaneta, u se jgħin ukoll fil-ġlieda kontra l-pjaga tal-qgħad għoli fl-Ewropa.

Għandna wkoll innaqqsu l-kont tal-enerġija li jirrappreżenta sa 40% tal-ispejjeż totali ta’ impjant tal-azzar fl-Ewropa, ħafna aktar milli fl-Istati Uniti, ir-Russja, il-Lvant Nofsani jew iċ-Ċina.

F’Ġunju tal-2013 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat pjan ta’ azzjoni għall-azzar biex tittratta dawn il-kwistjonijiet kollha, u bil-mod il-mod qed tapplika l-miżuri li pproponiet.

Aktar informazzjoni

L-aħħar aġġornament: 18/07/2014 |  Fuq