Dan is-sit ġie arkivjat (18/07/2014)
18/07/2014

Mogħdija tan-navigazzjoni

Industrija u Intraprenditorija

It-turiżmu

Inżommu l-Ewropa fl-ewwel post għat-turiżmu

It-turiżmu jagħmel lin-nies aktar kuntenti. Huwa element ewlieni għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-ħajja u għandu jkun aktar aċċessibbli għal għadd akbar ta' nies. Fl-istess ħin jipprovdi spinta vitali lill-ekonomija tagħna.

Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tkabbar is-settur tat-turiżmu u xxerred id-dħul minnu b'mod aktar ekwu matul is-sena. Biex jinkiseb dan, huwa kruċjali li dak li qed noffru jitjieb u jkun diversifikat. Aħna nappoġġjaw l-iżvilupp ta' mudelli ġodda ta' negozji sostenibbli, inklużi l-prodotti transnazzjonali tat-turiżmu bbażati fuq itinerarji kulturali u storiċi, Destinazzjonijiet Ewropej ta' Eċċellenza (EDEN) mhux daqshekk magħrufa, l-agrituriżmu u t-turiżmu termali. U nippromwovu wkoll is-subsetturi tradizzjonali, bħat-turiżmu tal-bajja - li bla dubju huwa l-aktar għażla popolari fost l-Ewropej, iżda li huwa staġjonali ħafna.

Biex tattira dawk li x'aktarx ma jivvjaġġawx, il-Kummissjoni varat l-inizjattiva Calypso. Din timmira sabiex it-turiżmu jkun aktar inklużiv billi tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-iskambji tat-turiżmu transnazzjonali fl-istaġun baxx għaż-żgħażagħ, dawk b'diżabilità, familji bi dħul baxx u l-anzjani. Din hija kemm kwistjoni ta' ugwaljanza kif ukoll waħda ekonomika. Il-potenzjal li għadu mhux sfruttat tal-industrija tat-turiżmu huwa kbir ħafna. Nistmaw li l-industrija tat-turiżmu tal-UE titlef EUR 160 biljuni fis-sena minħabba l-aċċessibbiltà mnaqqsa tal-faċilitajiet tagħha. Hemm bżonn biss ta' investimenti żgħar biex jingħalaq dan il-vojt.

"It-turiżmu huwa t-tielet industrija tal-Ewropa f'termini ta' dħul u jimpjega direttament u indirettament 12% tal-popolazzjoni sħiħa li taħdem tal-UE. Għandna nippreservaw dan il-punt b'saħħtu u nużaw il-potenzjal mhux sfruttat tiegħu biex noħolqu impjiegi ġodda. B'mod parallel, għandna nżidu l-għadd ta' nies li jkollhom aċċess għas-servizzi tat-turiżmu, li nemmen li huwa indikatur mill-aqwa tal-kwalità tal-ħajja tagħna."

Bħalissa waħda minn kull erba' persuni li jgħixu fl-Unjoni Ewropea għandha bejn il-55 u t-80 sena. Minnhom 41% biss jivvjaġġaw, minkejja li f'bosta każijiet għandhom ir-riżorsi u ż-żmien biex jagħmlu dan. B'din l-inizjattiva tat-turiżmu għall-anzjani, il-Kummissjoni qed timmira biex dawn l-anzjani jivvjaġġaw iktar, filwaqt li żżid it-turiżmu barra mill-istaġun normali tat-turiżmu.

L-istrateġija tagħna tiffoka wkoll fuq li nġibu t-turisti minn barra l-UE. L-Ewropa hija l-ewwel destinazzjoni tat-turiżmu fid-dinja b'nofs is-suq globali. Illum, il-wasliet internazzjonali ta' turisti jgħoddu mal-535 miljun, li minnhom l-UE tilqa' 401.2 miljun, u dawn iċ-ċifri mistennija jikbru b'mod sinifikanti fis-snin li ġejjin. Aħna impenjati biex niddefendu l-post ta' tmexxija globali tal-Ewropa.

Iżda l-isfidi quddiemna qed jikbru. Il-kompetizzjoni minn rivali stabbiliti sew u ekonomiji emerġenti qed issir aktar iebsa. Fl-2012, il-viżitaturi internazzjonali fl-UE żdiedu bi 2.5% filwaqt li fir-reġjun Ażjatiku-Paċifiku r-rata ta' tkabbir kienet ta' 6.9%, fl-Afrika 5.4% u fl-Amerka 4.6%. L-UE qed tispiċċa wara r-reġjuni l-oħra biex tattira turisti ġodda minn pajjiżi li mhumiex tal-UE u b'mod partikolari mill-ekonomiji emerġenti.

Biex inreġġgħu lura din ix-xejra, l-ewwel ħaġa li rrid nwettqu hi li nagħmluha aktar faċli biex it-turisti jidħlu fl-UE. Sal-aħħar tal-2013, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tippreżenta Kodiċi tal-Viża rivedut li għandu l-għan li jagħmilha aktar faċli biex iċ-ċittadini ta' ekonomiji emerġenti jiksbu viżi għal żjarat qosra. 

Hu mistenni li proċeduri aktar ċari u simplifikati b'mod aħjar tal-viża jżidu l-għadd ta' turisti internazzjonali li jkunu ġejjin mill-UE u b'hekk jitrawmu t-tkabbir ekonomiku u l-iskambji kulturali. Fl-istess waqt, ir-reviżjoni tal-kodiċi mhu se jkollu ebda impatt fuq is-sigurtà, u din se tibqa' l-prijorità ewlenija tal-UE. Il-kontrolli tas-sigurtà se jibqgħu intatti.

Aktar informazzjoni

Inżommu l-Ewropa fl-ewwel post għat-turiżmu

L-aħħar aġġornament: 18/07/2014 |  Fuq