Dan is-sit ġie arkivjat (18/07/2014)
18/07/2014

Mogħdija tan-navigazzjoni

Industrija u Intraprenditorija

Difiża u Sigurtà

Lejn settur Ewropew tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti

Is-sigurtà tal-Ewropa fil-parti l-kbira ġiet delegata lill-Istati Uniti għal bosta snin, imma din is-sitwazzjoni qed tinbidel b’pass mgħaġġel. L-Ewropa għandha issa tassumi responsabbiltà akbar għad-difiża tagħha. B'baġits imnaqqsin, dan ifisser li l-unika triq ’il quddiem hi aktar kooperazzjoni fost il-pajjiżi tal-UE.

Il-marġni għal titjib hu enormi. Fil-mument fl-Ewropa, l-akkwist kollaborattiv għal proġetti militari jammonta biss għal 25% tal-akkwist ġenerali tad-difiża. Il-75% l-oħrajn jitwettqu fuq livell nazzjonali, li ħafna drabi jirriżulta f'duplikazzjonijiet u f'sistemi inkompatibbli. Din il-frammentazzjoni tipprevjeni ekonomiji ta’ skala, toħnoq l-innovazzjoni u fl-aħħar mill-aħħar taħli r-riżorsi.

Pereżempju, l-UE għad għandha 11-il provveditur ta’ frejgati filwaqt li l-Istati Uniti għandhom wieħed biss. Madwar il-pajjiżi tal-UE hemm 17-il linja ta’ produzzjoni għal tankijiet tal-gwerra, meta mqabbla ma’ 2 fl-Istati Uniti. Anki fis-settur aeronawtiku, li hu l-aktar konsolidat, sabiex jinbnew tliet tipi differenti ta’ ġettijiet tal-ġlied avvanzati l-Ewropa għadha xxerred fix-xejn ir-riżorsi prezzjużi tagħna. B’mod parallel mad-duplikazzjoni tal-assi, l-Ewropa għadha lura f'teknoloġija ewlenija oħra bħad-drones.

"Jekk l-Ewropa trid iżżomm il-kapaċità industrijali biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-kapaċità militari tal-ġejjieni, u b'hekk issaħħaħ il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) kredibbli, hemm bżonn li tittieħed azzjoni konġunta Ewropea. Jidher ċar ukoll li jekk ma jkunx hemm ftehim Ewropew sostanzjali, l-aġir dwar il-kwistjonijiet industrijali u tas-suq se jkollu biss impatt limitat. Hu essenzjali li l-industrija tad-difiża Ewropea tibqa' ċentru dinji ewlieni għall-manifattura u l-innovazzjoni li toħloq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi għal nies bi kwalifiki għoljin."

Il-koperazzjoni u l-konsolidazzjoni ta’ kumpaniji Ewropej huma t-tweġibiet ewlenin. It-tnejn huma għaddejjin bħalissa, iżda b'pass kajman. Biex jitħaffef il-proċess, f’Lulju tal-2013 pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ppropona miżuri sempliċi biex ikomplu jinfetħu swieq nazzjonali u biex il-kumpaniji tad-difiża tal-UE jsiru aktar kompetittivi madwar id-dinja.

Mhux biss hu meħtieġ konsolidament, iżda huma meħtieġa wkoll standardizzazzjoni ogħla u ċertifikazzjoni komuni. In-nuqqas ta’ kultura komuni ta’ ċertifikazzjoni għal munizzjon illanċjat mill-art, waħdu biss hu stmat li jiswa lill-Ewropa €1.5 biljun fis-sena, minn total ta’ €7.5 biljun użat annwalment għal munizzjon fl-UE. Iżda aħna qed naħdmu lejn approċċ komuni dwar iċ-ċertifikazzjoni. Inħeġġu wkoll l-iżvilupp ta’ standards komuni madwar il-pajjiżi tal-UE, u qed nippjanaw biex niżviluppaw standards ibridi għal prodotti "b'użu doppju" li jistgħu jiġu użati kemm mill-militari kif ukoll miċ-ċivili.

Għalkemm il-baġits militari qed jonqsu b’mod sinifikanti, l-Ewropa għad għandha waħda mill-akbar nefqiet għad-difiża fid-dinja. Fl-2011 din kienet ogħla minn tar-Russja, il-Ġappun u ċ-Ċina flimkien. Mal-baġits tad-difiża annwali ta’ €194 biljun, l-UE għandha l-kapaċità li tkun attur strateġiku fix-xena internazzjonali, skont il-valuri dikjarati tagħha. Biex nagħmlu dan, il-flus għandhom jiġu investiti b’mod aħjar, b'xift kontinwu minn fuq in-nefqa għall-persunal (li tibqa’ l-akbar nefqa, minkejja li din qed tonqos b’mod kostanti) lejn ir-riċerka u l-iżvilupp, li sfortunatament naqsu b’14% bejn l-2005 u l-2010.

Jeħtieġ li din ix-xejra tinbidel, billi l-R&D huma kruċjali biex jiġu żviluppati ħiliet għall-ġejjieni u joħolqu effetti indiretti importanti f’setturi oħrajn – bħat-tagħmir elettroniku, l-ispazju u l-avjazzjoni ċivili – filwaqt li jipprovdu wkoll tkabbir ekonomiku u eluf ta’ impjiegi li jitolbu kwalifiki għoljin. L-Istati Uniti, li jinsabu fuq quddiem nett fl-innovazzjoni, jonfqu seba’ darbiet aktar fuq l-R&D tad-difiża mis-27 pajjiż tal-UE flimkien. Qed nappellaw lill-pajjiżi tal-UE biex jagħmlu l-istess u qed nippjanaw li nappoġġaw dan l-isforz permezz tan-nefqa tal-R&D tal-UE fil-qasam ta’ teknoloġiji b'użu doppju.

Aktar informazzjoni English (en)

L-aħħar aġġornament: 18/07/2014 |  Fuq