Dan is-sit ġie arkivjat (18/07/2014)
18/07/2014

Mogħdija tan-navigazzjoni

Industrija u Intraprenditorija

Il-Clusters

Il-Clusters

Kważi 40 % tal-ħaddiema Ewropej huma impjegati minn kumpaniji li jiffurmaw parti minn grupp ta’ impriżi — li jistgħu jiġu definiti bħala grupp ta’ ditti iffukati fuq produzzjonijiet speċifiċi, li jinsabu ħdejn xulxin u li jiddependu fuq kompetenza speċjalizzata, servizzi, riżorsi, fornituri u ħiliet. Fl-Ewropa l-Osservatorju Ewropew tal-Clusters identifika madwar 2000 cluster statistikament sinifikanti li kontinwament jikkontribwixxu għal iktar innovazzjoni, tkabbir u impjiegi fl-Ewropa.

Għaldaqstant jidher biċ-ċar li l-clusters huma fil-qalba tal-bażi industrijali tal-Ewropa, u huma l-oriġini ta’ ħafna prodotti innovattivi li ffurmaw l-istorja ekonomika tal-Ewropa - mill-azzar ta’ Lorraine u Saarland għal pożati ta’ Sheffield; minn distrett tal-ħarir fit-Tramuntana tal-Italja (li issa sar post avangardist taż-żebgħa tat-tessuti) għax-xogħlijiet tal-metall taż-żona Alpina.

"Il-clusters huma komponent ewlieni tal-iżvilupp reġjonali. Dawn irawmu punti b’saħħithom u jtejbu r-riżorsi u l-ideat. Huma pilastru tal-bażi industrijali tal-Ewropa u jeħtieġu li jibqgħu hekk. Ilhom f'dak ir-rwol għal sekli sħaħ. Sabiex niżguraw li jżommuh fil-ġejjieni, irridu nkunu ambizzjużi u nimmultiplikaw il-clusters ta’ klassi dinjija permezz ta’ iktar kooperazzjoni u eċċellenza bejn il-pajjiżi.”

Agglomerazzjonijiet bħal dawn huma fil-biċċa l-kbira fenomenu mmexxi mis-suq. Ħafna clusters huma maħluqa b’mod spontanju bħala riżultat ta’ vantaġġi kompetittivi naturali, bħalma hija l-preżenza ta’ riżorsi speċifiċi fir-reġjun fejn huma jitnibbtu. Meta titwieled cluster, il-forzi tas-suq għandhom it-tendenza li jiffavorixxu l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista fil-qrib. Pereżempju cluster b’saħħitha u teknoloġikament avvanzata tal-partijiet tal-karozzi kibret madwar Stuttgart biex tforni l-produtturi tal-karozzi lokali, bħal Daimler u Porsche. 

Iżda l-clusters mhux dejjem jitfaċċaw b’mod spontanju. F’dawn l-aħħar snin, politiki pubbliċi li jħarsu 'l quddiem, inizzjattivi tan-negozju jew l-aqwa universitajiet u istituti ta’ riċerka kienu strumentali fil-ħolqien ta’ clusters sodi. Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata bi sħiħ li tgħin biex issaħħaħ il-clusters eżistenti u tiffavorixx l-emerġenza ta’ clusters f’oqsma ġodda ta' negozju.

Għan ewlieni hu li jiġi estiż l-ambitu ta’ clusters Ewropej u mrawma l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi. Il-clusters jevolvu aħjar f’ambjent ikkaratterizzat minn spirtu intraprenditorjali u sinerġiji differenti bejn kumpaniji lokali. Madankollu, f’dinja globalizzata u kompetittiva ħafna, li wieħed ikun parti tal-katini ta' valur globali u ta’ għadd kostanti ta' fluss tal-innovazzjoni hija wkoll ta’ importanza kbira.

Eżempju tajjeb ħafna ta’ reżiljenza ġej minn Sassuolo, belt żgħira fiċ-ċentru tal-Italja, li għal sekli sħaħ kienet iċ-ċentru ewlieni għall-produzzjoni tal-madum. Il-cluster tal-madum ħareġ grazzi għall-kwalità għolja tat-tafal li jinstab madwar il-belt. Iżda tul is-sekli, id-depożiti tat-tafal inħlew. Madankollu, bis-saħħa tal-innovazzjoni u t-titjib kostanti tal-ħiliet miksuba matul is-sekli, Sassuolo u Faenza (li tat isimha lill-industrija tal-madum — magħrufa bħala “faience” bil-Franċiż) baqgħu sal-lum il-punt ta’ referenza ewlieni għall-kumpaniji tal-madum — li issa huma sors tal-esperjenza iktar milli tal-materja prima.

Għal aktar tagħrif English (en)

L-aħħar aġġornament: 18/07/2014 |  Fuq