Dan is-sit ġie arkivjat (18/07/2014)
18/07/2014

Mogħdija tan-navigazzjoni

Industrija u Intraprenditorija

L-immarkar tal-oriġini tal-prodott

Magħmul fl-UE

Il-fiduċja hija l-pilastru tal-ekonomija. Jekk il-konsumaturi ma jafdawx prodott, ma jixtruhx. F’suq ta’ 500 miljun ruħ, l-għarfien personali ta’ bejjiegħ jew ta’ manifattur jista' jiggwida l-għażliet tal-konsumaturi biss għal għadd limitat ta’ prodotti. Għall-prodotti l-oħrajn kollha jeħtieġ li jkun hemm indikaturi li jagħmlu l-prodotti aktar traċċabbli, u għalhekk aktar ta’ min jafdahom.

Jekk ix-xerrejja jkunu jistgħu faċilment jintraċċaw l-oriġini ta’ prodott, dawn iħossuhom aktar sikuri u jkollhom raġuni oħra biex jixtru. Proposta riċenti tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta' tikketta obbligatorja 'Magħmul fi' għall-prodotti tal-konsumatur kollha mibjugħa fl-UE hija reazzjoni importanti għal talba bħal din mis-suq.

Bħalissa, kważi m'hemm ebda regola, u l-manifatturi ma għandhom ebda obbligu li fuq it-tikketta tagħhom jindikaw l-oriġini eżatta tal-prodotti tagħhom. Dan huwa vantaġġ għan-negozji inġusti li jużaw tikketti foloz jew ma jużaw ebda tikketta.

Huwa wkoll ta’ periklu għall-konsumaturi, għaliex dan ikun ifisser li oġġetti perikolużi jaffaċċjaw inqas ostakli biex jiċċirkolaw liberament fis-suq tal-UE. L-awtoritajiet nazzjonali għadhom ma jistgħux jintraċċaw il-provenjenza ta’ wieħed minn kull għaxar prodotti perikolużi kkonfiskati fl-UE.

Biex tintemm din is-sitwazzjoni, fil-passat ħafna pajjiżi tal-UE ppruvaw jintroduċu regoli tat-tikkettar nazzjonali dwar l-oriġini. Iżda jekk dawn l-isforzi jsarrfu f’liġijiet reali ikun hemm riskju ta’ iktar konfużjoni u ħsara għan-negozji leġittimi peress li r-regoli nazzjonali jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor.

"Wara diversi talbiet mill-Parlament Ewropew u azzjonijiet minn pajjiżi differenti tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tipproponi Regolament ġdid li jirrikjedi li l-prodotti tal-konsumatur ikollhom indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini. It-tikketti obbligatorji tal-oriġini diġà kienu effettivi ħafna biex tittejjeb il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti tal-ikel, peress li għamluha eħfef biex jiġu ttraċċati l-produtturi tagħhom. L-estensjoni tat-tikketti tal-oriġini għall-prodotti kollha tal-konsumatur se tagħti spinta akbar għas-suq intern tal-UE.”

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tara li dan ma jseħħx. Il-konsumaturi se jingħataw protezzjoni aħjar mal-UE kollha, u fl-istess ħin ir-regoli komuni se jevitaw li jinħolqu ostakli nazzjonali ġodda kkawżati minn leġiżlazzjoni nazzjonali diverġenti tat-tikkettar dwar l-oriġini.

L-informazzjoni dwar l-oriġini tal-prodott hija kruċjali biex tittieħed azzjoni konkreta kontra dawk li jwettqu azzjonijiet ħżiena, u għaldaqstant tirrappreżenta deterrent b’saħħtu kontra l-bejgħ ta’ prodotti perikolużi.

Il-manifatturi onesti għandhom jilqgħu din il-proposta, billi din se żżid il-fiduċja tal-konsumatur u b’mod parallel l-aptit tagħhom għax-xiri. Il-produtturi għandhom ikunu konxji wkoll li l-użu tat-tikketta “Magħmul fi” mhux se jiġġenera iżjed burokrazija jew spejjeż.

It-tikketta se tippermetti livell għoli ta’ flessibbiltà. It-tikketta ġenerali "Magħmul fl-UE" tista' tintuża għall-oġġetti kollha li jkunu għaddew l-aħħar trasformazzjoni sostanzjali tagħhom f’pajjiż tal-UE. Iżda l-manifatturi Ewropej se jibqgħu liberi li jagħżlu t-tikketta nazzjonali rilevanti, bħal "Magħmul fil-Ġermanja" jew "Magħmul fir-Renju Unit", jekk ikunu jixtiequ jagħmlu hekk.

L-aħħar aġġornament: 18/07/2014 |  Fuq