Dan is-sit ġie arkivjat (18/07/2014)
18/07/2014

Mogħdija tan-navigazzjoni

Industrija u Intraprenditorija

Innovazzjoni

L-innovazzjoni hi l-ossiġnu tal-intrapriżi

L-innovazzjoni hi l-ossiġnu tal-intrapriżi. Dawk li ma jinnovawx u ma jżommux il-pass mal-iżviluppi teknoloġiċi gradwalment jitilfu mis-sehem tagħhom fis-suq u eventwalment jirriskjaw li jfallu. Mingħajr ossiġnu, ma jistgħux jieħdu nifs.

L-innovazzjoni tirriżulta mill-investiment. L-industrija dejjem kienet attur ewlieni f’dan il-qasam. Il-manifattura hi l-kontributur l-aktar b'saħħtu tar-Riċerka u l-Iżvilupp fis-settur privat tal-UE, hi tikkontribwixxi 80% tal-investiment totali. Madankollu, għad hemm aktar x'jista' jsir.

Ir-riċerka Ewropea hi minn ta' quddiem nett f’bosta setturi u hi responsabbli għar-reġistrazzjoni ta' ħafna privattivi ta' innovazzjonijiet avvanzati, iżda mhux dejjem kienet daqshekk tajjeb f’dak li għandu x’jaqsam mat-tmexxija xjentifika biex din tissarraf f’vantaġġ industrijali. Is-sitwazzjoni fil-batteriji tal-litju hi eżempju ċar ta' dan, b'kumpaniji Ewropej jippossiedu aktar minn 30% tal-privattivi rilevanti, mingħajr ma ssir ebda produzzjoni ta' tali batteriji fl-UE.

"L-investiment fl-innovazzjoni hu vitali biex tinżamm il-kompetittività globali u jerġa’ jqajjem t-tkabbir fl-Ewropa. Mingħajr l-innovazzjoni mhux se jirnexxilna niksbu l-għan tagħna li ngħollu l-kontribuzzjoni tal-industrija għall-PGD sa 20%, mira li stabbilixxejna fl-istrateġija l-ġdida dwar il-politika industrijali. Dan jagħmilha aktar u aktar importanti u dejjem aktar urġenti li dawn il-politiki jiġu kkoordinati fil-livell Ewropew.”

Barra minn hekk, l-isforzi tal-innovazzjoni jibqgħu inkonsistenti u mifruxin b’mod mhux uniformi madwar l-UE. Agħar minn hekk, l-aħħar valutazzjoni tal-innovazzjoni annwali tal-Kummissjoni Ewropea tagħti stampa ta’ distakk dejjem jikber bejn il-pajjiżi l-aktar innovattivi u dawk li għadhom lura.

L-innovazzjoni għandha ssir għan komuni li l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom jimmiraw lejh, billi jikkoordinaw l-isforzi nazzjonali. Sabiex jiġi ffaċilitat dan l-iżvilupp, il-Kummissjoni nediet pjanijiet għal Unjoni ta' Innovazzjoni ġenwina u pproponiet strateġija komuni biex tagħti spinta l-investiment f’setturi innovattivi speċifiċi, li huma meqjusa li jagħtu spinta lill-innovazzjoni madwar l-ekonomija tal-UE.

Il-Politika Industrijali tagħna għandha sitt oqsma ta’ prijorità għall-investiment fl-innovazzjoni. Dawn jinkludu: l-aċċess għall-finanzi, it-tħeġġiġ tal-intraprenditorija, id-domanda għall-innovazzjoni, u l-innovazzjoni mhux teknoloġika.

Punt fokali ieħor għall-isforzi tagħna hu dak li nsejħulu qasam tat-Teknoloġiji Abbilitanti Ewlenin (KETs), li jinkludu l-mikroelettronika u n-nanoelettronika, il-materjali avvanzati, il-bijoteknoloġija industrijali, il-fotonika, in-nanoteknoloġija u s-sistemi avvanzati tal-manifattura. Is-suq globali tal-KETs maħsub li jiżdied b’aktar minn 50% minn €646 biljun għal aktar minn €1 triljun sal-2015, li hu ekwivalenti għal madwar 8% tal-PGD tal-UE.

Teknoloġiji ġodda ta' din ix-xorta se jirrivoluzzjonaw l-inġinerija (p.e. il-materjali intelliġenti) u jittrasformaw il-produzzjoni ta' prodotti (p.e. l-istampar 3D), kif ukoll jipprovdu fondazzjonijiet ġodda li jistgħu jbiddlu l-qagħda attwali għas-swieq tradizzjonali, bħall-grilji intelliġenti, il-vetturi nodfa jew il-bijoplastika. Filwaqt li aħna interessati fl-industriji tat-teknoloġija avvanzata, b’mod parallel nappoġġjaw ukoll l-innovazzjonijiet importanti kollha ta’ teknoloġija baxxa u medja tal-SMEs Ewropej.

Il-prodotti innovattivi ma jiġux mix-xejn. Normalment dawn huma r-riżultat ta’ deċennji ta’ titjib żgħir f'teknoloġiji eżistenti. L-Ewropa għandha minjiera tad-deheb fil-qasam teknoloġiku, hi wieħed mir-reġjuni fid-dinja bl-aktar teknoloġija avvanzata u li jinsab dominat minnha. Ftit sforzi addizzjonali jistgħu jipprovdu riżultati enormi, billi jibnu fuq it-talenti teknoloġiċi kbar tagħna.

Aktar informazzjoni Deutsch (de) English (en) français (fr)

L-aħħar aġġornament: 18/07/2014 |  Fuq