Dan is-sit ġie arkivjat (18/07/2014)
18/07/2014

Mogħdija tan-navigazzjoni

Industrija u Intraprenditorija

Intraprenditorija

Inwittu t-triq għall-potenzjal intraprenditorjali tal-Ewropa biex nerġgħu naraw it-tkabbir

Biex tingħeleb il-kriżi tal-qgħad fl-UE l-Ewropa trid toħloq aktar impjiegi — iżda wkoll aktar intraprendituri. Filwaqt li hu għarfien komuni li kulħadd għandu jkollu x-xogħol, huwa ferm inqas aċċettat li dawk li qed ifittxu x-xogħol jistgħu joħolqu l-impjiegi tagħhom stess aktar milli jsibu xogħol ma' xi ħadd ieħor.

L-Ewropa teħtieġ rivoluzzjoni kulturali biex tibdel il-fehma ġenerali dwar l-intraprendituri. It-twaqqif u t-tmexxija ta’ kumpanija għandha titqies bħala xi ħaġa li jista' jilħaqha kulħadd.

Din hija r-realtà iżda huma ftit li jifhmuha. 37% biss tal-Ewropej mistħarrġa jgħidu li jippreferu jaħdmu għal rashom u mhux impjegati, kontra 51% fl-Istati Uniti, u 56% fiċ-Ċina. Il-perċentwali fl-Ewropa qiegħed jonqos.

"Aktar intraprendituri jfissru aktar impjiegi, aktar innovazzjoni u aktar kompetittività. Biex wieħed isir imprenditur u jsarraf il-ħolma tiegħu f’realtà jinvolvi ħafna riskju personali u ħafna sforz. L-intraprendituri huma l-eroj ta’ żmienna. Fl-istorja tal-ekonomija, l-intraprenditorija hija wkoll l-akbar forza li ġġenerat tkabbir ekonomiku. Jekk nistgħu nwittu għalkollox it-triq għall-potenzjal intraprenditorjali tal-Ewropa, nistgħu nerġgħu nsibu t-triq tat-tkabbir."

Biex titreġġa’ lura din ix-xejra inkwetanti l-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkludu l-esperjenzi intraprenditorjali tagħhom fil-kurrikuli tal-edukazzjoni obbligatorja. Bidla fil-mentalità tal-Ewropej u żieda fl-interess li jibdew negozju hija l-ewwel pass, iżda din ma tagħmilx sens jekk imbagħad l-ambjent tan-negozju jkun diffiċli wisq, kif huwa l-każ bħalissa. Semplifikazzjoni burokratika, speċjalment għall-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, hija prijorità għall-Kummissjoni. Iżda dan mhuwiex biżżejjed. Għandna nwarrbu l-ostakoli eżistenti, iżda wkoll nipprovdu sostenn għal dawk li huma l-aktar fil-bżonn.

Għal din ir-raġuni, qed naħdmu b’mod attiv biex ngħinu kumpaniji ġodda, peress li hu stmat li nofs il-każijiet ta’ negozji ġodda jfallu matul l-ewwel ħames snin. L-Istati Membri huma mħeġġa li jiddedikaw aktar riżorsi biex jgħinu ditti ġodda jegħlbu dan il-perjodu kritiku, bħal taħriġ ta’ tmexxija, taħriġ fl-R&D, u netwerking ma’ persuni oħra, fornituri potenzjali u l-klijenti.

Aċċess adegwat għall-finanzi huwa kruċjali tul il-ħajja kollha ta’ negozju. Għaddejjin għadd ta' inizjattivi biex jeliminaw l-ibblukkar maħluq waqt il-kriżi finanzjarja.

Il-Kummissjoni Ewropea hija konvinta wkoll dwar l-importanza li jingħata t-tieni ċans lil intraprendituri onesti wara li jesperjenzaw falliment, peress li huwa ppruvat li 96% tal-fallimenti huma kkawżati minn sensiela ta’ arretrati jew problemi prattiċi oħra. Se jiġu ssimplifikati wkoll ir-regoli biex it-trasferiment tas-sjieda tan-negozji.

Għadd ta’ inizjattivi huma fis-seħħ biex jgħinu l-kumpaniji jiksbu ħiliet fl-elettronika, peress li huwa stmat li l-SMEs jikbru darbtejn sa tliet darbiet aktar malajr meta jħaddnu t-teknoloġiji tal-informazzjoni. Ħiliet fl-ICT iktar mifruxa huma fl-interess ta’ kulħadd - 90% mill-impjiegi se jkunu jeħtieġu kompetenzi diġitali sal-2015.

Aktar informazzjoni Deutsch (de) English (en) français (fr) italiano (it)

L-aħħar aġġornament: 18/07/2014 |  Fuq