Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Garanzija għaż-Żgħażagħ

X’inhi l-Garanzija għaż-Żgħażagħ?

Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ hi impenn mill-Istati Membri kollha sabiex jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha taħt l-età ta’ 25 sena jirċievu offerta ta’ kwalità tajba ta’

  • impjiegi
  • edukazzjoni kontinwa
  • apprendistat
  • traineeship

f'perjodu ta' erba' xhur minn meta jispiċċaw qiegħda jew minn meta jħallu l-edukazzjoni formali.

Il-pajjiżi kollha tal-UE impenjaw lilhom infushom biex jimplimentaw il-Garanzija għaż-Żgħażagħ fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ April 2013.

Xi nkiseb s’issa?

Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ saret realtà fl-UE kollha u għenet sabiex ittejjeb il-ħajja ta’ miljuni ta’ żgħażagħ Ewropej.

  • Aktar minn 5 miljun żgħażugħ/a rreġistraw fi Skemi GŻ kull sena mill-2014 ’l hawn.
  • Mill-2014 ’l hawn, kull sena aktar minn 3.5 miljun żagħżugħ/a li rreġistraw fil-GŻ aċċettaw offerta ta’ impjieg, ta’ edukazzjoni kontinwa, ta’ traineeship jew ta’ apprendistat. 
  • L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ipprovdiet appoġġ dirett għal aktar minn 2.4 miljun żagħżugħ/a fl-UE kollha.

Videos: Garanzija għaż-Żgħażagħ / Apprezzamenti u proġetti tal-YEI

Ħames snin minn wara li bdiet il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ tjiebet b’mod sinifikanti:

  • Iż-żgħażagħ bla xogħol naqsu kważi b’2 miljuni fl-UE u hemm 1.8 miljun żagħżugħ/a anqas li mhux impjegati, fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ (NEETs).
  • Il-qgħad fost iż-żgħażagħ naqas minn quċċata ta’ 24% fl-2013 għal 14% fl-2019.
  • Is-sehem ta’ dawk bl-età bejn il-15 u l-24 sena bla xogħol, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) naqas minn 13.2% fl-2012 għal 10.3% fl-2018.

Is-sitwazzjoni ekonomika li qed titjieb fl-Ewropa kienet ta’ benefiċċju għaż-żgħażagħ. Il-progress s’issa jissuġġerixxi wkoll li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ għamlet differenza. Hi ħolqot opportunitajiet għaż-żgħażagħ u aġixxiet bħala mutur b’saħħtu għar-riformi strutturali u l-innovazzjoni.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-implimentazzjoni sħiħa tal-iskemi nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. L-impenn tal-UE favur il-Garanzija għaż-Żgħażagħ ġie mtenni fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Komunikazzjoni: Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: tliet snin wara

Skeda informattiva dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

Stejjer ta’ suċċess

Tista’ ssib ħarsa ġenerali lejn riformi u miżuri nazzjonali oħrajn

Kif ġew stabbiliti l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ?

Il-garanzija għaż-Żgħażagħ bidlet l-enfasi għal intervent bikri u sensibilizzazzjoni għan-NEETs, u enfasizzat in-nuqqasijiet fl-għoti ta’ servizzi liż-żgħażagħ bla xogħol. B’riżultat ta’ dan, il-maġġoranza tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tjiebu u espandew is-servizzi tagħhom għaż-żgħażagħ.

Ir-riformi tal-apprendistati u tat-traineeships għenu biex iħejju aħjar liż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol u biex jibnu l-ħiliet rilevanti. Żdiedet il-koordinazzjoni fost l-impjiegi, l-edukazzjoni, il-politiki soċjali u ż-żgħażagħ. Ġew stabbiliti sħubijiet ġodda mas-sħab soċjali, mas-servizzi taż-żgħażagħ u mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

L-UE appoġġjat lill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni tgħin fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-iskemi nazzjonali u tiffaċilita t-tagħlim reċiproku permezz tal-Programm ta’ Tagħlim Reċiproku tal-Istrateġija Ewropea tal-Impjiegi u l-attivitajiet iffinanzjati mill-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI).

Finanzjament

L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, flimkien ma’ investimenti sinifikanti ddedikati mill-Fond Soċjali Ewropew huma r-riżorsa finanzjarja ewlenija tal-UE biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fuq il-post għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.

L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ bdiet b’EUR 6.4 biljun għall-Istati Membri l-aktar milquta. Minħabba l-impatt pożittiv tagħha, din imbagħad żdiedet għal 8.8 biljun fl-2017.

Billi jagħtu prijorità lill-impjiegi taż-żgħażagħ fil-baġits nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jevitaw spejjeż ogħla fil-futur.

Ixxerja din il-paġna