Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

L-GĦODDA GĦAS-SEJBA TAR-RISKJI ARACHNE

X’inhi ARACHNE?

ARACHNE hija għodda integrata tal-IT għall-estrazzjoni u l-arrikkament tad-data żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea. L-objettiv tagħha hu li tappoġġja lill-awtoritajiet maniġerjali fil-kontrolli amministrattivi u fil-verifiki tal-maniġment tagħhom fil-qasam tal-Fondi Strutturali (il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew).

ARACHNE

  • tistabbilixxi bażi ta’ data komprensiva ta’ proġetti, implimentati taħt il-Fondi Strutturali tal-UE u pprovduti mill-awtoritajiet maniġerjali tal-FSE u l-FEŻR,
  • tarrikkixxi d-data b’informazzjoni pubblikament disponibbli sabiex jiġu identifikati, abbażi ta’ sett ta’ indikaturi tar-riskju, il-proġetti, il-benefiċjarji, il-kuntratti u l-kuntratturi li jistgħu jkunu suxxettibbli għal riskji ta’ frodi, kunflitt ta’ interess u irregolaritajiet.
  • iżda ma għandhiex l-għan li tivvaluta l-imġiba individwali partikolari tar-riċevituri tal-fondi u ma tistax, bħala tali, isservi biex teskludi awtomatikament kwalunkwe benefiċjarju mill-Fondi. L-għodda tipprovdi twissijiet ta’ riskji ta’ valur kbir biex tarrikkixxi l-verifiki tal-maniġment, iżda ma tforni ebda prova ta’ żball, irregolarità jew frodi.

ARACHNE tista’ żżid l-effiċjenza fl-għażla tal-proġetti, il-verifiki tal-maniġment u tkompli ssaħħaħ l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u s-sejba tal-frodi.

Liema proċedura għandha tiġi segwita biex jiġu kkalkulati r-riskji?

  1. Id-data operazzjonali tal-proġetti mill-awtoritajiet maniġerjali tal-FSE u tal-FEŻR tal-Istati Membri tintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea.
  2. Id-data operazzjonali hija kkumplimentata aktar b’informazzjoni minn sorsi ta’ data esterni, Orbis u World Compliance, li fihom data ppubblikata uffiċjalment u disponibbli għall-pubbliku dwar kumpaniji u persuni relatati.
  3. ARACHNE tikkalkula l-indikaturi tar-riskju individwali

X’tip ta’ informazzjoni tiġi pproċessata?

ARACHNE tiġbor id-data mill-awtoritajiet maniġerjali tal-FSE u tal-FEŻR u minn sorsi ta’ data esterni.  Is-suġġetti tad-data kkonċernati huma entitajiet legali u persuni fiżiċi. Il-kategoriji ta’ data personali pproċessata huma dawn li ġejjin:

1. Mill-awtoritajiet maniġerjali tal-FSE u l-FEŻR:

  • Benefiċjarji: isem, indirizz, numru tal-VAT, numru ta’ impjegati, fatturat;
  • Sħab fil-proġett: isem, indirizz, numru tal-VAT, fatturat;
  • (Sotto)kuntratturi: isem, indirizz, numru tal-VAT, fatturat;
  • Fornituri ta’ servizzi: isem;
  • Membri ta’ konsorzju: isem, indirizz, numru tal-VAT, fatturat;
  • Esperti ewlenin għal kuntratti ta’ servizzi: isem, data tat-twelid;
  • Persuni involuti: isem, data tat-twelid, funzjonijiet.

2. Minn sorsi ta’ data esterni pprovduti minn Vadis Technologies:

a) ORBIS mill-fornitur kummerċjali Bureau Van Dijk:

  • Informazzjoni dwar kumpaniji: informazzjoni finanzjarja, indirizz, data storika;
  • Azzjonisti/maniġment/persunal prinċipali: isem, data tat-twelid, funzjonijiet.

b) WORLD COMPLIANCE mill-fornitur kummerċjali LexisNexis Risk Solutions, Inc.:

  • Profili ta’ Persuni Politikament Esposti (PEP), kif ukoll dawk tal-membri tal-familja tagħhom u l-persuni assoċjati mill-qrib;
  • Lista ta’ Sanzjonijiet, li tinkludi individwi u kumpaniji bl-ogħla klassifikazzjoni ta’ riskju;
  • Lista ta’ Infurzar, inkluża informazzjoni mingħand l-awtoritajiet regolatorji u governattivi u l-kontenut tat-twissijiet u l-azzjonijiet kontra individwi u kumpaniji;
  • Monitoraġġ ta’ gazzetti u rivisti għal informazzjoni rilevanti ta’ riskju (inkluża informazzjoni minn gazzetti onlajn ewlenin fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u f’pajjiżi terzi).

Meta utent ta’ ARACHNE, jiġifieri l-Kummissjoni Ewropea jew Stat Membru, jidentifika punt ta’ qbil invalidu bejn sorsi tad-data interni u esterni, hu/hi għandu/għandha j/tirrapporta dan lit-tim ta’ Arachne fid-dipartiment tal-IT tad-DĠ EMPL permezz ta’ proċedura msejħa “ċirkwit tal-feedback”. Ir-rettifiki introdotti permezz taċ-“ċirkwit tal-feedback” ikollu impatt fuq is-sistema ARACHNE (riskji kkalkolati), mhux fuq is-sors inizjali tal-informazzjoni nnifisha.

X'inhi l-bażi legali?

L-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikjedi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġġieldu kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-prevenzjoni u s-sejba tal-frodi huma għalhekk obbligi ġenerali tas-Servizzi kollha tal-Kummissjoni fil-qafas tal-attivitajiet ta’ kuljum tagħhom li jinvolvu l-użu tar-riżorsi.

Il-bażi legali tas-sistema ARACHNE tinkludi:

X’inhuma l-benefiċċji għall-awtoritajiet maniġerjali?

Is-sodisfar tar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013

L-integrazzjoni ta’ Arachne fis-sistema ta’ maniġment u kontroll u l-applikazzjoni effettiva ta’ Arachne fil-maniġment u l-verifika ta’ kuljum ta’ talbiet għan-nefqa u tal-proġetti jkunu kkunsidrati bħala parti importanti fis-sodisfar tar-rekwiżit tal-Artikolu 125§4(c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Il-Kummissjoni pprovdiet gwida teknika mhux vinkolanti lill-Istati Membri (ara n-nota ta’ gwida EGFSIE 14-0021-00 tas-16 ta’ Ġunju 2014) biex tgħinhom fl-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Installa u ħaddem l-għodda għas-sejba tar-riskji mingħajr ħlas

Il-Kummissjoni toffri l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Għodda għas-Sejba tar-Riskji Arachne mingħajr ħlas għall-Istati Membri. Kuntratt qafas iffirmat mill-Kummissjoni jkopri l-liċenzji ta’ Arachne għat-tul kollu tal-perjodu ta’ programmar 2014-2020 (sal-għeluq tal-perjodu). Huwa ppjanat li qabel ma jintemm il-kuntratt jiġu evalwati l-użu u l-impatt tal-għodda. Skont ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni se tipproponi t-tiġdid tal-kuntratt wara t-tlestija ta’ dan il-kuntratt qafas u se tappoġġja bis-sħiħ liċenzji mingħajr ħlas għall-awtoritajiet nazzjonali.

Ikseb taħriġ u appoġġ tekniku mill-Kummissjoni

Fuq talba tal-awtoritajiet, il-Kummissjoni tipprovdi taħriġ għal dawk il-kollegi li jiġu nnominati biex jużaw Arachne. Barra minn hekk, l-awtoritajiet maniġerjali se jingħataw parir dwar kif jintegraw il-programm fil-ħidma ta’ kuljum tagħhom u fis-sistema ta’ maniġment u kontroll tagħhom. Il-Kummissjoni taqsam l-istess għan bħall-awtoritajiet nazzjonali u lokali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet u għaż-żieda tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-verifiki tal-maniġment.

Żid l-effiċjenza u l-effikaċja tal-verifiki tal-maniġment

L-Għodda għas-Sejba tar-Riskji Arachne tirrappreżenta l-aqwa kwalità f’dak li hu marbut mal-estrazzjoni u l-arrikkament tad-data. L-applikazzjoni ta’ din it-teknoloġija avvanzata se tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex jittejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-verifiki tal-maniġment matul l-għażla tal-operazzjonijiet u tal-maniġment u l-kontroll finanzjarju tal-programmi operattivi. Il-verifiki fuq il-post ta’ operazzjonijiet u verifiki amministrattivi fir-rigward ta’ kull applikazzjoni għar-rimborż mill-benefiċjarji jiswew ħafna flus u jassorbu l-kapaċità amministrattiva. L-għodda tgħinek talloka, b’mod effiċjenti, il-kapaċità ta’ riżorsi umani tiegħek għall-analiżijiet tad-dokumenti u l-verifiki fuq il-post billi tiffoka fuq l-aktar benefiċjarji, proġetti, kuntratturi u kuntratti riskjużi.

Uri u ddokumenta r-riżultat taż-żieda fl-effiċjenza u fl-effikaċja tal-verifiki tal-maniġment

L-Għodda għas-Sejba tar-Riskji Arachne se tipprovdi l-possibbiltà lill-awtoritajiet maniġerjali biex jivvalutaw l-effikaċja u l-effiċjenza tal-verifiki tal-maniġment u biex jirreġistraw u jippreżentaw ir-riżultati ta’ aktar effikaċja u effiċjenza tal-verifiki tal-maniġment matul iż-żmien.

Saħħaħ il-miżuri li jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-irregolaritajiet

L-Għodda għas-Sejba tar-Riskji Arachne tidentifika aktar minn 100 indikatur tar-riskju, li huma miġbura f’7 kategoriji ta’ riskju bħall-akkwist, il-maniġment tal-kuntratti, l-eliġibbiltà, il-prestazzjoni, il-konċentrazzjoni kif ukoll twissijiet dwar ir-reputazzjoni u frodi oħra. L-indikaturi kollha tar-riskju flimkien jgħinu lill-awtoritajiet maniġerjali jidentifikaw l-aktar proġetti, benefiċjarji, kuntratturi u kuntratti riskjużi. Ladarba tibda’ tiġi applikata u ssir parti mis-sistema ta’ maniġment u kontroll l-Għodda għas-Sejba tar-Riskji Arachne tista’ tgħolli sostanzjalment il-livell ta’ prevenzjoni u sejba u tal-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi.

Gawdi minn fluss ta’ data awtomatiku u minn tnaqqis tal-piż amministrattiv

Għall-perjodu ġdid ta’ programmar 2014-2020, l-awtoritajiet maniġerjali kollha jridu jadottaw is-sistema kompjuterizzata tagħhom skont l-Artikolu 72 (d) tar-Regolament (UE) 1303/2013. Ħafna mill-oqsma tad-data użati minn Arachne huma inklużi f’din is-sistema u jistgħu jiġu estratti b’mod faċli sabiex jibbenefikaw minn klassifika tar-riskju b'firxa sħiħa.

Kuntatt

Ikkuntattja t-tim ta’ ARACHNE (DĠ EMPL)

Ikkuntattja t-tim ta’ ARACHNE (DĠ REGIO)

Ikkuntattja t-tim ta’ ARACHNE (DĠ AGRI)

Ixxerja din il-paġna