Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Id-diskriminazzjoni fuq ix-xogħol

Inti għandek id-dritt għal opportunitajiet indaqs! It-trattament ġust huwa dritt bażiku fl-Unjoni Ewropea. Huwa illegali li ssir diskiriminazzjoni minħabba s-sess, l-età, id-diżabbiltà, l-oriġini etnika jew razzjali, ir-reliġjon, it-twemmin jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna. 

Trattament ugwali għan-nisa u l-irġiel

Liġijiet għal drittijiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel ilhom jeżistu mill-ħolqien tal-Komunità Ewropea.                                          

 Sa mis-snin Sebgħin kienu adottati 13-il att legali bil-għan li jiġi żgurat li n-nisa u l-irġiel jirċievu trattament ġust u indaqs fix-xogħol.  

Dawn il-liġijiet ikopru firxa ta’ oqsma inkluż trattament indaqs meta wieħed japplika għal xogħol, trattament indaqs fil-post tax-xogħil, il-protezzjoni ta’ ħaddiema tqal u ommijiet li jreddgħu, u drittijiet għal leaive tal-maternità u tal-paternità. 

Miljuni ta’ nisa u rġiel madwar l-Ewropa igawdu minn dawn id-drittijiet ta’ kuljum – iżda ftit minnhom jafu li l-Unjoni Ewropea hija l-moħħ wara dawn il-liġijiet! 

Kontroll ta' tipi oħra ta' diskriminazzjoni fuq ix-xogħol

Flimkien mal-liġijiet dwar id-drittijiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel żdiedet, fis-sena 2000, leġiżlazzjoni ġdida ta’ l-UE li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq bażijiet oħrajn, Skond dawn il-liġijiet ġodda hu illegali li ssir diskriminazzjoni kontra persuna minħabba:

  • L-oriġini razzjali u etnika
  • Ir-reliġjon u t-twemmin
  • Id-diżabbiltà
  • L-orjentazzjoni sesswali
  • L-età 

Dawn il-ħames oqsma ta’ diskriminazzjoni, flimkien mad-diskriminazzjoni bejn is-sessi, huma inklużi fit-Trattat ta’ Amsterdam ta’ l-Unjoni Ewropea bħala oqsma fejn l-UE tista’ taġixxi biex tipprevjeni d-diskriminazzjoni. 

Huwa minnu li d-diskriminazzjoni tista’ ssir għal raġunijiet oħrajn, eżempju minħabba li persuna tkun miżżewġa jew le, jew minħabba l-livell tal-qligħ tagħha jew minħabba l-post fejn tkun tgħix. Id-diskriminazzjoni tista’ sseħħ ukoll minħabba taħlita ta’ raġunijiet differenti, eżempju minħabba l-età u s-sess ta’ persuna (eżempju, in-nisa aktar avvanzati fl-età jistgħu jkunu partikolarment suxxettibbli għal trattament inġust fis-suq ta’ l-impjiegi). Jekk inti interessat issir taf aktar dwar il-fenomenu tad-diskriminazzjoni multipla inti jaf tkun interessat f’dan ir-rapport. 

Il-liġijiet għall-protezzjoni tan-nies kontra d-diskriminazzjoni minħabba l-oriġini razzjali u etnika tagħhom (eżempju peress li huma ta’ ġilda skura jew Roma) ikopru mhux biss l-impjiegi iżda anke oqsma oħrajn tal-ħajja ta’ kuljum fejn jista’ jsir trattament inġust, eżempju fl-iskejjel, fil-qasam tad-djar (housing), il-kura tas-saħħa jew l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi, eżempju trattament inġust fi ħwienet, ristoranti, lukandi, eċċ. 

Il-pajjiżi kollha ta’ l-UE huma obbligati jimplimentaw dawn ir-regoli ta’ ugwaljanza. Pajjiżi li jissieħbu ma’ l-UE wkoll għandhom jikkonformaw ma’ dawn ir-regoli.  

Il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE dwar it-trattament indaqs tistabbilixxi livelli minimi ta’ protezzjoni li japplikaw għal kull min jgħix u jaħdem fl-Unjoni Ewropea. Il-pajjiżi jistgħu jmorru oltre u jadottaw miżuri legali aktar ħorox. 

Kif tikseb l-għajnuna

Għal aktar tagħrif dwar drittijietek u dmirijietek skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza, kif ukoll tagħrif dwar fejn f'pajjiżek tista' tikseb pariri u aktar tagħrif ara l-links relatati fuq din il-paġna. 

Il-leġiżlazzjoni hija vitali fil-ġlieda għall-ugwaljanza iżda nafu li għandna nagħmlu aktar. Hu għalhekk li l-Unjoni Ewropea qiegħda tappoġġja serje ta’ miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, minn proġetti ta’ finanzjament għal twettiq ta’ riċerka biex jiġu appoġġati kampanji ta’ sensibbilizzazzjoni u informazzjoni.

Ixxerja din il-paġna