Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Fond għal Għajnuna Ewropea għal Dawk l-Aktar fil-Bżonn (FEAD)

Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) jappoġġja l-azzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE biex jipprovdu assistenza bħala ikel u/jew materjali bażiċi lil dawk l-aktar fil-bżonn.

Dan jinkludi ikel, ħwejjeġ u oġġetti essenzjali oħrajn għal użu personali, p.e. żraben, sapun u xampun.

L-assistenza materjali jeħtiġilha timxi id f'id mal-miżuri tal-inklużjoni soċjali, bħall-iggwidar u l-appoġġ biex in-nies jingħataw għajnuna ħalli joħorġu mill-faqar.

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jappoġġjaw ukoll l-assistenza mhux materjali lil dawk l-aktar fil-bżonn, biex jgħinuhom jintegraw aħjar fis-soċjetà.

L-appoġġ tal-FEAD se jgħin lin-nies jagħmlu l-ewwel pass tagħhom 'il barra mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali.

Il-FEAD se jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn billi jindirizza l-aktar ħtiġijiet bażiċi tagħhom, din għalihom hi kundizzjoni minn qabel biex ikunu jistgħu jakkwistaw impjieg jew isegwu kors ta' taħriġ bħal dawk appoġġjati mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

Kif jaħdem il-FEAD?

Il-Kummissjoni tapprova l-programmi nazzjonali għall-2014-2020, li abbażi tagħhom l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu d-deċiżjonijiet individwali li jwasslu għall-għoti tal-assistenza permezz ta' organizzazzjonijiet sħab (ta' spiss mhux governattivi). Approċċ simili hu diġà użat għall-fondi ta’ koeżjoni.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jagħżlu x'tip ta' assistenza (ikel jew assistenza materjali bażika, jew it-tnejn flimkien) li jixtiequ jipprovdu, skont is-sitwazzjoni tagħhom, u kif għandhom jiġu akkwistati u distribwiti l-oġġetti.

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jew jixtru l-ikel u l-oġġetti huma stess u jfornuhom lill-organizzazzjonijiet sħab, jew jiffinanzjaw lill-organizzazzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jixtruhom huma stess. L-organizzazzjonijiet sħab li jixtru l-ikel jew l-oġġetti huma stess jistgħu jew iqassmuhom b'mod dirett, jew jitolbu organizzazzjonijiet imseħbin oħrajn biex jgħinuhom.

L-organizzazzjonijiet sħab huma entitajiet pubbliċi jew organizzazzjonijiet mhux governattivi li huma magħżulin mill-awtoritajiet nazzjonali abbażi ta' kriterji oġġettivi u trasparenti definiti fil-livell nazzjonali.

Taqsira tal-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali tinsab fl-iskedi tal-pajjiżi tal-FEAD

Kemm flus huma disponibbli?

F'termini reali, aktar minn €3.8 biljun huma assenjati għall-FEAD għall-perjodu 2014-2020.

Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE għandhom jikkontribwixxu tal-anqas 15% f'kofinanzjament nazzjonali għall-programm nazzjonali tagħhom.

X'inhi l-bażi legali?

Ir-Regolament tal-FEAD kien adottat fl-2014. Hu kien emendat fl-2018 b’diversi simplifikazzjonijiet – verżjoni konsolidata hi disponibbli online.

L-atti ta’ implimentazzjoni u delegati kienu adottati sa tmiem l-2016.

In-Network tal-FEAD

In-Network tal-FEAD hu komunità ta’ sħubija miftuħa għal persuni li tipprovdi assistenza lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Ewropa, stabbilit fl-2016. Dan jinkludi:

  • l-Awtoritajiet nazzjonali tal-Immaniġġjar tal-FEAD,
  • l-organizzazzjonijiet li jwasslu jew li huma interessati fl-attivitajiet finanzjati mill-FEAD,
  • l-NGOs fil-livell tal-UE u
  • l-istituzzjonijiet tal-UE.

Hu spazju għall-iskambju ta’ prattika tajba u għal inkuraġġiment ta’ ideat ġodda.

Skopri aktar dwar in-network u l-attivitajiet tiegħu.

Ixxerja din il-paġna