Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Kif tħallas l-ispejjeż tiegħek

Biex tiżgura l-ogħla kopertura, għandek tikkontrolla għand l-istituzzjoni ta’ l-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek qabel ma tmur. B’mod ġenerali, l-istituzzjoni ta’ l-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek tkopri l-ispejjeż tiegħek biss jekk il-liġi fl-Istat tiegħek tirrikonoxxi l-kura. Pereżempju, l-ispiża għal kuri fi spa hija koperta f’xi pajjiżi filwaqt li f’oħrajn m’hijiex.

Liema spejjeż se jkunu koperti? Liema spejjeż għandi nħallas jien?

Jekk tikseb l-awtorizzazzjoni, l-ispiża tal-kura (fi sptar jew le) tkun koperta b’dik li hija l-ogħla rata – l-Istat fejn inti assigurat jew l-Istat fejn qed tirċievi l-kura.

Eżempju

Sophie hija assigurata f’pajjiż A. Hija għandha awtorizzazzjoni għal operazzjoni f’pajjiż B. L-ispiża biex toqgħod l-isptar f’pajjiż B hija ta’ €4 000. Għal kura simili fil-pajjiż A, jiġu rimborżati biss €2 800 meta mqabbla mat-€3 200 fil-pajjiż B.

Peress li kisbet l-awtorizzazzjoni, Sophie tgawdi mill-istess kundizzjonijiet bħan-nies assigurati fil-pajjiż B, li jfisser li hija se tkun rimborżata bi €3 200 u jkollha tħallas biss id-differenza ta’ €800.

Jekk, mill-banda l-oħra, kura simili fil-pajjiż A hija rimborżata bi €3 500, Sophie ma tkunx rimborżata biss bir-rata offruta fil-pajjiż B (€3 200), iżda tingħata lura wkoll id-differenza bejn iż-żewġ pajjiżi (€3 500-€3 200 =€300). L-ammont totali rimborżat f’dan il-każ ikun għalhekk ta’ €3 500, u Sophie jkollha tħallas biss €500.

Jekk jogħġbok innota li d-dritt għar-rimborż addizzjonali mhux rikonoxxut fil-każ ta’ l-Iżvizzera, sew jekk inti assigurat f’pajjiż taż-ŻEE u qed tivvjaġġa lejn l-Iżvizzera jew bil-maqlub.

Jekk ma tkunx ksibt l-awtorizzazzjoni, allura fil-prinċipju m’intix intitolat għall-ispejjeż tal-kura fl-isptar li rċevejt fi Stat ieħor. Kura barra mill-isptar tkun koperta skond il-kundizzjonijiet offruti mill-Istat fejn inti assigurat, mingħajr rimborż addizzjonali jekk l-Istat fejn qed tingħata kura joffri rata ogħla ta’ rimborż. Jekk jogħġbok innota li jekk m’għandekx awtorizzazzjoni, l-ispejjeż għall-kura mhumiex koperti għaċ-ċittadini taż-ŻEE fl-Iżvizzera jew bil-maqlub.

Liema hija s-soluzzjoni l-aktar vantaġġuża finanzjarjament?

F’termini finanzjarji, l-aħjar triq li għandek tieħu hija li tikseb l-awtorizzazzjoni.

Għal kura fl-isptar, l-istituzzjoni ta’ l-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek probabbilment se titolbok tikseb minn qabel l-awtorizzazzjoni. Din l-awtorizzazzjoni tiggarantilek ir-rimborż bl-aktar rata favorevoli. L-ispejjeż tiegħek għall-kura mbagħad ikunu awtomatikament rimborżati bir-rata offruta fl-Istat fejn tirċievi l-kura, u jekk fl-Istat fejn tkun assigurat tkun offruta rata ogħla, l-assigurazzjoni tiegħek tirrimborżak bid-differenza. Jekk jogħġbok innota li d-dritt għal rimborż addizzjonali mhux rikonoxxut fir-relazzjonijiet ma’ l-Iżvizzera.

Għal kura barra mill-isptar, jekk tikseb l-awtorizzazzjoni, il-garanziji jkunu l-istess. Alternattivament, inti tista’ tivvjaġġa direttament lejn il-pajjiż fejn trid tirċievi l-kura, mingħajr ma tikseb l-awtorizzazzjoni, u titlob ir-rimborż offrut mill-istituzzjoni ta’ l-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek meta terġa’ lura. Jekk ir-rata ta’ kopertura hija ogħla minn dik ta’ l-Istat tal-kura, inti tkun rimborżat b’dik ir-rata. Madankollu, jekk ir-rata ta’ kopertura hija ogħla fl-Istat fejn ġejt ikkurat, inti ma tkunx intitolat għal rimborż addizzjonali. Jekk jogħġbok innota li mingħajr awtorizzazzjoni, l-ispejjeż għall-kura m’humiex koperti fir-relazzjonijiet ma’ l-Iżvizzera.

Nota: bħalissa m’hemm l-ebda definizzjoni Ewropea ta’ “kura fi sptar” jew ta’ “ kura barra mill-isptar”. F’każ ta’ dubju, staqsi lill-istituzzjoni ta’ l-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek.

Jekk jogħġbok innota li fil-prinċipju, l-ispejjeż għall-kura tiegħek ikunu koperti biss jekk il-liġi ta’ l-Istat fejn inti assigurat tirrikonoxxi l-kura. Pereżempju, l-ispejjeż ta’ kura fi spa huma koperti f’xi pajjiżi filwaqt li f’oħrajn mhumiex. Itlob aktar tagħrif mill-istituzzjoni ta’ l-assigurazzjoni tiegħek qabel tivvjaġġa.

Aħbarijiet relatati

Ebda aħbar relatata fl-aħħar sitt xhur.

Ixxerja din il-paġna