Mur fil-path tan-navigazzjoni, billi taqbeż is-site tools u s-selettur tal-lingwa

Kura ppjanata

Inti trid tirċievi kura f’pajjiż Ewropew ieħor u trid li tkun imħallsa mill-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek. It-tweġibiet għall-ħames mistoqsijiet li ġejjin jgħidulek jekk tikkwalifikax:

F’liema pajjiż għandek assigurazzjoni tas-saħħa?? 

Ir-regoli mfissra hawnhekk japplikaw jekk inti kopert b’sistema ta’ sigurtà soċjali statutorja fi Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew l-Iżvizzera (b’eċċezzjoni għal kura mingħajr awtorizzazzjoni fil-każ ta’ l-Iżvizzera).

Fejn qed tippjana li tmur għall-kura? 

Ir-regoli mfissra hawnhekk japplikaw għal kura li tingħata minn Stat membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew l-Iżvizzera (b’eċċezzjoni għal kura mingħajr awtorizzazzjoni fil-każ ta’ l-Iżvizzera).

Din il-kura m’hijiex prevista? F’dan il-każ, hija koperta mill-Karta Ewropea ta’ l-assigurazzjoni tas-saħħa. 

Jekk inti bla mistenni jkollok bżonn kura waqt li tkun qed tivvjaġġa fi Stat Membru taż-ŻEE jew fl-Iżvizzera (jiġifieri l-vjaġġ tiegħek ma kienx biex tmur għall-kura), il-Karta Ewropea ta’ l-assigurazzjoni tas-saħħa tassigura li l-ispejjeż tal-kura tiegħek huma koperti. Biex tkun taf aktar, ara Karta Ewropea ta’ l-assigurazzjoni tas-saħħa.

Li kieku kellek tirċievi din il-kura f’pajjiżek, l-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek kienet tkopriha? 

Bħala prinċipju, l-ispejjeż għall-kura tiegħek ikunu koperti biss jekk il-liġi tal-pajjiż ta’ fejn inti assigurat tirrikonoxxi l-kura. Pereżempju, l-ispejjeż ta’ kura fi spa huma koperti f’xi pajjiżi filwaqt li f’oħrajn m’humiex. Itlob aktar tagħrif mill-istituzzjoni ta’ l-assigurazzjoni tiegħek qabel tivvjaġġa.

Din hija kura fi sptar? 

Bħalissa m’hemm l-ebda definizzjoni Ewropea ta’ “kura fi sptar” jew ta’ “ kura barra mill-isptar”. F’każ ta’ dubju, staqsi lill-istituzzjoni ta’ l-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek.

Jekk din m’hijiex kura mhux prevista, jiġifieri l-kura kkonċernata hija ppjanata u hija l-għan tal-vjaġġ tiegħek barra l-pajjiż, hemm żewġ xenarji possibbli: kura fi sptar u kura barra mill-isptar.

F’każ ta’ kura fi sptar, l-istituzzjoni ta’ l-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek kważi dejjem se titolbok li jkollok awtorizzazzjoni minn qabel. L-ispiża mbagħad tkun koperta skond il-kundizzjonijiet tal-pajjiż fejn tirċievi l-kura (pajjiż tal-kura). Jekk dawk il-kundizzjonijiet huma inqas favorevoli mill-kundizzjonijiet offruti mill-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek, tingħatalek lura d-differenza. Jekk ma tkunx ngħatajt awtorizzazzjoni, l-ispejjeż għall-kura tiegħek ma jkunux awtomatikament koperti. Xorta tista’ titlob rimborż meta terġa’ lura, iżda m’hemm l-ebda garanzija li t-talba tiegħek se tkun milqugħa.

Fil-każ ta’ kura barra mill-isptar, tista’ wkoll titlob awtorizzazzjoni qabel ma titlaq, u mbagħad tkun tista’ tgawdi mill-istess garanziji. Tista’ wkoll tgħaddi mingħajr awtorizzazzjoni u tivvjaġġa direttament lejn il-pajjiż fejn tixtieq tirċievi l-kura (pajjiż tal-kura) u titlob rimborż meta tmur lura. L-ispiża tal-kura tiegħek tkun imbagħad koperta skond il-kundizzjonijiet ta’ l-Istat fejn l-istituzzjoni ta’ l-assigurazzjoni tiegħek tkun ibbażata. Jekk jogħġbok innota li din l-għażla m’hijiex rikonoxxuta fil-każ ta’ l-Iżvizzera.

Jekk tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet u tixtieq tikseb formola S2, jew jekk tixtieq iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek. 

Għandek bżonn iktar għajnuna?

Ma sibtx l-informazzjoni li ridt? Għandek problema?

Agħmel mistoqsija lil Europe Direct (00800 6 7 8 9 10 11)
Solvi l-problemi ma' amministrazzjoni nazzjonali (SOLVIT)
Ħu parir legali mis-servizz ta' informazzjoni għaċ-ċttadini (CSS)

    Aqsam

  • Twitter Facebook Ixxerja fuq Google+