Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Persuni li m'humhiex ċittadini ta' l-UE

Il-libertà li wieħed imur f’pajjiż ieħor tal-UE biex jaħdem mingħajr permess tax-xogħol hi dritt għaċ-ċittadini tal-UE.

Iċ-ċittadini ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE jista’ jkollhom id-dritt li jaħdmu f’pajjiż tal-UE jew li jiġu ttrattati l-istess bħaċ-ċittadini tal-UE fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dawn id-drittijiet jiddependu mill-istatus tagħhom bħala membri tal-familja ta' ċittadini tal-UE u min-nazzjonalità tagħhom.

L-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja

Għalkemm dawn il-pajjiżi mhumiex membri tal-UE, iċ-ċittadini tagħhom jistgħu jaħdmu fl-UE bl-istess mod bħaċ-ċittadini tal-UE, peress li jagħmlu parti miż-Żona Ekonomika Ewropea.

Il-ħaddiema mill-Kroazja jistgħu jiffaċċjaw restrizzjonijiet temporanji biex jaħdmu fil-Liechtenstein.

Il-Liechtenstein jimponi kwoti li jillimitaw l-għadd ta' persuni li jistgħu jaħdmu u jgħixu fih. Din is-sistema ta' kwota tapplika għaċ-ċittadini tal-pajjiżi kollha tal-UE, in-Norveġja u l-Iżlanda.

L-Iżvizzera

Skont il-ftehim bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, iċ-ċittadini Żvizzeri għandhom il-libertà li jgħixu u jaħdmu fl-UE.

Il-parti l-kbira taċ-ċittadini tal-UE ma għandhomx bżonn permess biex jaħdmu fl-Iżvizzera. Restrizzjonijiet japplikaw biss għal ċittadini tal-Kroazja – li għad għandhom bżonn permess tax-xogħol. Skopri aktar dwar kif tista’ taħdem fl-Iżvizzera bħala ċittadin tal-UE.

It-Turkija

Id-dritt taċ-ċittadini Torok li jmorru jaħdmu f’pajjiż tal-UE jiddependi interament fuq il-liġi ta’ dak il-pajjiż.

Il-ħaddiema Torok imħaddma legalment f'pajjiż tal-UE u reġistrati fih kif suppost bħala parti mill-forza tax-xogħol għandhom dawn id-drittijiet:

  • wara sena ta’ impjieg legali jkunu intitolati għal tiġdid tal-permess tax-xogħol mal-istess kumpanija jekk ikun hemm xogħol disponibbli
  • wara tliet snin f'impjieg legali jistgħu jibdlu l-kumpanija li jaħdmu magħha u japplikaw għal impjieg ieħor fl-istess kariga
  • wara erba’ snin ta’ impjieg legali jgawdu aċċess ħieles għal kwalunkwe impjieg imħallas f’dak il-pajjiż tal-UE.

Iċ-ċittadini Torok li jkunu qed jaħdmu legalment f’pajjiż tal-UE huma intitolati wkoll għall-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż.

Ir-Renju Unit

Wara l-Brexit, il-liġi tal-UE dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE waqfet tapplika fil-31 ta’ Diċembru 2020 fir-rigward taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-UE. Id-drittijiet taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu, jaħdmu jew jistudjaw fl-UE issa huma rregolati mill-Ftehim dwar il-Ħruġ u/jew mir-regoli nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE.

Iċ-ċittadini tar-Renju Unit li kienu residenti legalment f’pajjiż tal-UE qabel l-1 ta’ Jannar 2021, huma protetti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ. B’mod ġenerali, huma għad għandhom l-istess drittijiet li jgħixu, jaħdmu, jistudjaw u jkollhom benefiċċji u servizzi bħal dawk li kellhom qabel il-Brexit fl-Istat Membru fejn għexu qabel dik id-data. L-istess japplika għaċ-ċittadini tal-UE li kienu residenti legalment fir-Renju Unit qabel l-1 ta’ Jannar 2021 u li kisbu status ta’ residenza skont l-Iskema tar-Renju Unit għall-Kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-Ċittadini tal-UE.

Pajjiżi oħrajn li għandhom ftehim mal-UE

Iċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi, li qed jaħdmu legalment fl-Unjoni Ewropea, huma intitolati għall-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħaċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti:

* Dan l-isem hu mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hu konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

Pajjiżi mingħajr ftehim

Għaċ-ċittadini ta' pajjiżi oħra – li ma għandhomx ftehim mal-UE – id-dritt tax-xogħol f'pajjiż tal-UE jiddependi prinċipalment mil-liġijiet ta' dak il-pajjiż, sakemm huma mhumiex membri ta' familja b'ċittadinanza tal-UE.

Madankollu, ir-regoli tal-UE jkopru l-oqsma li ġejjin għall-ħaddiema mill-pajjiżi kollha li mhumiex tal-UE:

  • ċittadini li mhumiex tal-UE li jkunu residenti fit-tul fl-UE
  • dritt għal riunifikazzjoni mal-familja
  • dħul għal riċerkaturi li mhumiex mill-UE
  • dħul għal studenti, studenti fuq skambju, taħriġ mhux imħallas jew servizz volontarju
  • drittijiet ta’ ħaddiem b'livell għoli ta' ħiliet minn barra l-UE (l-iskema blue card tal-UE)
  • proċeduri ta’ dħul simplifikati u drittijiet għall-ħaddiema migranti kollha li mhumiex mill-UE
  • kundizzjonijiet ta' dħul u ta' residenza għall-ħaddiema b'impjieg staġjonali minn pajjiżi li mhumiex fl-UE
  • kundizzjonijiet ta' dħul u ta' residenza ta' ċittadini minn pajjiżi li mhumiex fl-UE fil-qafas ta' trasferiment intrakorporattiv.

Aħbarijiet relatati

Ebda aħbar relatata fl-aħħar sitt xhur.

Ixxerja din il-paġna