breadcrumb.ecName

Il-bliet tal-Ewropa jiksbu suċċess permezz ta’ approċċi ekoloġiċi

  • 22 Sep 2021
Hemm firxa ta’ għodod u appoġġ għall-finanzjament disponibbli biex jgħinu lill-bliet tal-Ewropa fit-tranżizzjoni lejn żvilupp urban aktar ekoloġiku u aktar sostenibbli. Dawn jinkludu linji gwida tal-UE dwar akkwist ekoloġiku. Xi bliet diġà qed jagħmlu l-aħjar użu minn dak li qed jiġi offrut biex itejbu l-istrateġiji tagħhom għall-ippjanar tal-iżvilupp urban u biex iniedu proġetti innovattivi.
Il-bliet tal-Ewropa jiksbu suċċess permezz ta’ approċċi ekoloġiċi

L-Unjoni Ewropea tappoġġa lill-bliet biex isiru aktar ekoloġiċi u aktar sostenibbli permezz ta’ politiki u finanzjament. Dawn jgħinu lill-pjanifikaturi tal-bliet jilħqu l-għanijiet tal-UE li jagħmlu t-tranżizzjoni ekoloġika lejn ekonomija ċirkolari.

 

Pereżempju, l-Istrateġija għad-Diversità tal-UE għall-2030 tinkludi pjan ta’ restawr tan-natura biex jgħin lill-awtoritajiet urbani jintroduċu soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura (NBS) li jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja.

 

Sadanittant, l-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima tappoġġa lill-bliet fit-teħid ta’ miżuri biex itaffu l-impatt tat-tisħin globali.

 

Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, fl-2020 ġie adottat Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari (CEAP) ġdid. Billi jiġu mħaddna kunċetti ta’ ekonomija ċirkolari fil-ġestjoni tar-riżorsi, il-bliet jistgħu jistabbilixxu ruħhom fi triq lejn sostenibbiltà akbar.

 

L-UE żviluppat ukoll kriterji għall-akkwist pubbliku biex tiggwida lill-awtoritajiet fit-tnedija ta’ sejħiet għal offerti pubbliċi “ekoloġiċi”. Barra minn hekk, il-Karta ta’ Leipzig il-ġdida tipprovdi dokument ta’ qafas ta’ politika għall-iżvilupp urban sostenibbli fl-Ewropa. 

 

Fil-kuntest tal-Aġenda Urbana tal-UE, ġew stabbiliti tliet sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati biex jinformaw u jtejbu l-prattika ta’ żvilupp urban sostenibbli:

  • Is-Sħubija dwar l-Ekonomija Ċirkolari
  • Is-Sħubija dwar l-Akkwist Pubbliku Innovattiv u Sostenibbli, u
  • Is-Sħubija għall-Użu Sostenibbli tal-Art u l-NBS.

Għadd ta’ bliet Ewropej wettqu azzjonijiet speċifiċi b’enfasi qawwija fuq l-iżvilupp urban sostenibbli permezz ta’ waħda jew aktar minn dawn is-sħubijiet. Barra minn hekk, l-istrateġiji urbani integrati ġew imfassla b’appoġġ mill-FEŻR. Il-programmi URBACT u Azzjonijiet Innovattivi Urbani jgħinu wkoll lill-bliet jiżviluppaw inizjattivi speċifiċi.

 

It-tnedija ta’ soluzzjonijiet sostenibbli

 

Ispirata mill-ħidma tas-Sħubija għall-Użu Sostenibbli tal-Art u l-NBS, il-belt Taljana ta’ Bolonja bdiet tirrieżamina l-Pjan Urban Ġenerali tagħha fl-2018. Il-pjan il-ġdid jiġbor fih il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari filwaqt li jippromwovi r-riġenerazzjoni tal-ħamrija u t-tnaqqis tat-tifrix urban.

It-teħid tal-art, l-ammont ta’ art mitlufa għall-iżvilupp urban, issa huwa l-indikatur ta’ referenza ewlieni għall-kejl ta’ żviluppi urbani ġodda fil-belt. Il-qafas il-ġdid tal-ippjanar ħeġġeġ ukoll ir-restawr u r-riġenerazzjoni ta’ żoni mhux użati u ta’ bini antik.

 

Sadanittant, il-belt Olandiża ta’ Haarlem hija l-koordinatur tas-Sħubija dwar l-Akkwist Pubbliku Innovattiv u Responsabbli. Il-belt ħolqot ukoll ċentri ta’ kooperazzjoni lokali, li jiffokaw fuq l-istabbiliment ta’ strateġiji ta’ akkwist sostenibbli.

 

Il-muniċipalitajiet responsabbli għall-ippjanar u l-akkwist pubbliku mhux dejjem ikollhom biżżejjed uffiċjali esperti tal-akkwist, u l-livell ta’ kompetenza tagħhom jista’ jvarja. Iċ-ċentri jgħinu biex jiġu solvuti dawn il-kwistjonijiet billi jinġabru flimkien ir-riżorsi u l-għarfien espert biex jiġu żgurati prattiki ta’ akkwist ta’ kwalità tajba.

 

It-tieni l-akbar belt tas-Slovenja, Maribor, żviluppat mod kif jintgħażlu interventi urbani li jħallu impatt li jqisu l-ħtiġijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

Il-belt bdiet bl-iżvilupp ta’ strateġija ta’ ekonomija ċirkolari, inizjattiva li rċeviet finanzjament mill-proġett Greencycle ffinanzjat mill-FEŻR.

 

Fost attivitajiet oħra, Maribor qed timplimenta proġett imsejjaħ Urban Soil 4 Food, li għandu l-għan li jnaqqas l-ammont ta’ skart bijoloġiku u tal-kostruzzjoni li jispiċċa fil-landfill, filwaqt li jitreġġa’ għall-produzzjoni tal-ħamrija għall-ġonna, għall-ispazji ekoloġiċi u għas-siti tal-kostruzzjoni.

 

Il-kontroll tal-ġungla urbana

 

Il-Belt ta’ Prato fl-Italja qed issegwi għadd ta’ inizjattivi biex tagħti spinta lis-sostenibbiltà. Pereżempju, il-proġett Piu’ Prato qed jgħin biex jiġi żviluppat mill-ġdid id-distrett Macrolotto Zero tal-belt fi sforz biex dan isir aktar abitabbli u ekonomikament vibranti.

 

L-azzjonijiet tal-proġett jinkludu l-introduzzjoni mill-ġdid tal-bini abbandunat fl-użu, il-kostruzzjoni ta’ spazji ekoloġiċi u l-promozzjoni ta’ mobilità sostenibbli. Sadanittant, il-proġett Ġungla Urbana ta’ Prato għandu l-għan li jreġġa’ n-natura f’ċerti viċinati permezz tal-iżvilupp ta’ spazji ekoloġiċi.

 

Il-belt kapitali tan-Norveġja Oslo hija l-koordinatur tas-Sħubija dwar l-Ekonomija Ċirkolari. Waħda mill-kisbiet ewlenin tas-sħubija hija l-iżvilupp ta’ sett ta’ 29 indikatur tal-prestazzjoni biex jitkejjel il-progress ta’ belt lejn mudell ta’ ekonomija ċirkolari.

 

Il-belt żviluppat għadd ta’ inizjattivi biex jitnaqqas l-iskart. Din stabbiliet disa’ stazzjonijiet żgħar ta’ riċiklaġġ biex tagħmilha aktar faċli għar-residenti li jarmu ammonti żgħar ta’ skart goff u perikoluż mingħajr il-ħtieġa li jkollhom vettura tagħhom stess.

 

SIR AF IKTAR

L-użu ta’ akkwist ċirkolari u miri u indikaturi speċifiċi