Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Pensjonijiet supplimentari

Il-pensjonijiet supplimentari huma sors importanti ta' introjtu għal ħafna Ewropej. Billi l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma tapplikax għall-biċċa l-kbira tal-iskemi supplimentari, l-UE qablet dwar regoli speċjali biex tipproteġi d-drittijiet għal pensjonijiet supplimentari tal-ħaddiema mobbli. Dawn ir-regoli jappilkaw għall-iskemi tal-pensjonijiet marbutin mal-impjiegi ("pensjonijiet okkupazzjonali").

Għaliex hu importanti li jiġu protetti d-drittijiet ta' pensjonijiet supplimentari?

Ċerti regoli ta' skemi tal-pensjonijiet supplimentari jistgħu jikkawżaw lill-ħaddiema li jitilfu mid-drittijiet għal pensjoni tagħhom meta jiċċaqalqu fl-UE.

L-iskemi jistgħu jirrikjedu lill-parteċipanti li jissodisfaw ċerti kondizzjonijiet qabel ma jakkwistaw b'mod irrevokabbli, jew "vestiti" d-drittijiet tal-pensjoni tagħhom. Pereżempju, impjegat li jħalli l-impjieg u jmur fi Stat Membru ieħor jista' ma jakkwistax kwalunkwe dritt għal pensjoni jekk hu ma jkunx ħadem għal min iħaddmu għal tul ta' żmien biżżejjed.

Anki jekk id-drittijiet tal-pensjoni ġew vestiti meta l-ħaddiem iħalli l-iskema, il-valur ġejjieni tagħhom jista' jitnaqqar bl-inflazzjoni, sakemm id-drittijiet tal-pensjoni ma jkunux ippreservati b'mod adegwat billi jiġi aġġustat il-valur matul iż-żmien.

Trattament ugwali u pagamenti transkonfinali

Id-Direttiva 98/49/KE dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari ta' persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom kienet l-ewwel pass fit-tneħħija tal-ostakoli għall-moviment ħieles relatat mal-pensjonijiet supplimentari. Id-dispożizzjonijiet prinċipali jisgħu jingħadu fil-qosor kif ġej:

  • Id-drittijiet vestiti tal-pensjoni ta' persuna li tħalli skema ta' pensjoni għax tiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor għandhom jiġu ppreservati bl-istess mod li jsir għal persuna li tibqa' fl-istess Stat Membru.
  • Il-benefiċjarji ta' skema ta' pensjoni supplimentari għandhom dritt li jirċievu l-benefiċċji tagħhom f'kull Stat Membru.

L-akkwist u l-preservazzjoni tad-drittijiet ta' pensjoni supplimentari

Id-Direttiva 2014/50/UE dwar il-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari ġiet adottata fis-16 ta' April 2014. Hi tistabbilixxi l-istandards minimi segwenti għall-protezzjoni tad-drittijiet għal pensjoni tal-ħaddiema mobbli, li l-Istati Membri kellhom jittrasponu fil-liġi nazzjonali sal-21 ta' Mejju 2018:

  1. Ksib
  2. Id-drittijiet għal pensjoni huma irrevokabbilment miksuba ("vestiti") mhux aktar tard wara tliet snin ta' relazzjoni ta' impjieg.
  3. Il-kontribuzzjonijiet proprji tal-impjegati qatt ma jistgħu jintilfu. Pereżempju, jekk impjegat iħalli skema ta' pensjoni qabel ma d-drittijiet tiegħu huma vestiti, il-kontribuzzjonijiet tiegħu jingħatawlu lura.
  4. L-iskemi ma jitħallewx li jistabbilixxu età minima ogħla għal vestiment aktar minn 21 sena.
  5. Preservazzjoni
  6. Meta jħalli skema ta' pensjoni, ħaddiem għandu dritt li jżomm id-drittijiet vestiti tal-pensjoni tiegħu fl-iskema, sakemm ma jaqbilx li jirċivihom bħala pagament kapitali.
  7. Id-drittijiet tal-pensjoni tal-eks ħaddiem għandhom jiġu ppreservati b'mod ġust imqabblin mad-drittijiet tal-ħaddiema korrenti. Il-metodu ta' preservazzjoni jista' jvarja skont in-natura tal-iskema. Pereżempju, il-valur tad-drittijiet ta' pensjoni jistgħu jiġu aġġustati skont:
    • ir-rata ta' inflazzjoni jew il-livelli tas-salarji (tipikament fi skema ta' benefiċċju ddefinita)
    • ir-ritorn minn investimenti miksuba mill-iskema (b'mod tipiku fi skema ta' kontribuzzjoni ddefinita)
  8. Informazzjoni
  9. Il-ħaddiema għandhom id-dritt li jingħataw informazzjoni dwar kif il-mobilità potenzjali tista' taffettwalhom id-drittijiet tal-pensjoni.
  10. Eks ħaddiema u s-superstiti tagħhom (jekk l-iskema tipprovdi benefiċċji għas-superstiti) għandhom dritt li jingħataw informazzjoni dwar il-valur u t-trattament tad-drittijiet tagħhom.

Id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema li jiċċaqalqu bejn l-Istati Membri, madankollu l-Istati Membri jistgħu jestendu l-istess standards lill-ħaddiema li jibdlu l-impjiegi fil-pajjiż.

Id-Direttiva ma tkoprix it-trasferibilità tal-pensjonijiet supplimentari, p.e. il-possibbiltà li wieħed jittrasferixxi d-drittijiet tal-pensjoni lejn skema ġdida fl-eventwalità ta' mobilità professjonali.

Il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/50/UE fis-6 ta’ Lulju 2020. 

Ixxerja din il-paġna