Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

minn Anna Marzec-Bogusławska M.D., M.P.H., id-Direttur taċ-Ċentru Nazzjonali tal-AIDS, il-Polonja

minn Anna Marzec-Bogusławska M.D., M.P.H., id-Direttur taċ-Ċentru Nazzjonali tal-AIDS, il-Polonja

Dik li fis-snin 1980 kienet sentenza tal-mewt hi llum – f’ħafna każijiet – marda kronika maniġabbli. Is-sitwazzjoni tal-HIV/AIDS inbidlet b’mod drammatiku, bis-saħħa ta' impenn politiku u ta' attivitajiet u ta' azzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza, inklużi kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, programmi ta’ skambju ta’ labar, riċerka kontinwa u mtejba, kura komprensiva. 

Ippermettuli nsemmi li ħafna mill-progress li sar matul dawn l-aħħar għaxar snin jista' jiġi kkreditat lill-istrateġiji msemmija fid-Dikjarazzjoni ta’ Dublin u lill-impenn tal-pajjiżi li ffirmawh. Wara d-Dikjarazzjonijiet tal-2004 ta' Dublin u ta' Vilnjus, il-Kummissjoni Ewropea żviluppat qafas ta’ politika li jindirizza l-HIV/AIDS fl-UE u l-pajjiżi ġirien, u wara ppubblikat żewġ komunikazzjonijiet u tliet pjanijiet ta’ azzjoni operattivi (2006-2009 u 2009-2013).

Minkejja dan il-progress konsiderevoli l-marda kompliet tikkawża ħafna tbatija għan-nies fl-Ewropa u madwar id-dinja. Għalkemm il-kura hi disponibbli, m’hemmx fejqan u l-HIV/AIDS għadha theddida tas-saħħa u soċjali.

Kontra x-xejra globali, l-għadd ta’ rapporti ġodda ta’ każijiet tal-HIV fir-Reġjun Ewropew l-aktar wiesa’ għadu qed jiżdied, b’mod partikulari fost irġiel li jkollhom rapport sesswali ma' rġiel oħra (MSM), li ammonta għal 42% tal-każijiet ġodda dijanjostikati fl-2013. Barra minn hekk, fl-Unjoni Ewropea (UE) u fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), 47% tan-nies li qed jgħixu bl-HIV/AIDS huma dijanjostikati tard. Dan ifisser li ħafna nies mhumiex konxji mill-infezzjoni tagħhom, li jirrifletti rati ta' ttestjar baxxi ħafna spiss ikkawżati minħabba l-biża’ tal-istigma u tad-diskriminazzjoni.

Ma nistgħux ma nkomplux ngħassu.  Forsi rbaħna ftit battalji, iżda mhux il-gwerra - il-ġlieda kontra l-AIDS għadha 'l bogħod milli tiġi solvuta.  

Din hi r-raġuni għaliex il-Kummissjoni estendiet il-Pjan ta’ Azzjoni tal-HIV/AIDS sal-2016 sabiex ikun hemm kontinwità fl-Azzjoni tal-UE, iżda lkoll jeħtiġilna nagħmlu l-parti tagħna.  Jeħtiġilna nilħqu lin-nies li huma l-aktar diffiċli li jintlaħqu u li jinsabu fl-akbar riskju – lill-MSM, il-migranti, il-persuni li jinjettaw id-drogi.  U jeħtiġilna ngħarrfu lill-oħrajn li mhumiex immuni: 30% tal-infezzjonijiet tal-HIV/AIDS iseħħu fost il-popolazzjoni eterosesswali, pereżempju.

Jekk irridu lil uliedna u lill-adoloxxenti li jikbru bħala ġenerazzjoni ħielsa mill-AIDS, jeħtiġilna nxammru l-kmiem u nkomplu naħdmu.   L-għan aħħari, li tinqered din il-marda devastanti, jista’ jintlaħaq biss jekk l-HIV/AIDS tibqa’ prijorità għolja għal aġendi politiċi u s-sorveljanza ssir kwistjoni serja fl-Ewropa kollha.

HIV/AIDS

Aktar dwar din it-tema