Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

minn Tonio Borg, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa

minn Tonio Borg, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa

Kull sena, 700,000 ċittadin Ewropew imutu b'kawżi relatati mat-tipjip. Id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk, li ġiet ippubblikata fid-29 ta’ April 2014 u li se tidħol fis-seħħ fid-19 ta’ Mejju 2014, hi għalhekk pass 'il quddiem għall-politika tas-saħħa pubblika tal-UE. Huma u jiżguraw li l-prodotti tat-tabakk li jinbiegħu fl-UE jkollhom id-dehra u t-togħma ta' prodotti tat-tabakk, ir-regoli l-ġodda armonizzati dwar it-tabakk u prodotti relatati se jgħinu jnaqqsu l-għadd ta' nies li jibdew ipejpu fl-UE – b'mod speċjali ż-żgħażagħ. 
 
Billi fl-Ewropa 70% ta’ dawk li jpejpu jibdew qabel l-età ta’ 18 u 94% qabel l-età ta’ 25, il-projbizzjoni fuq togħmiet karatterizzanti, bħal frott jew il-mentol, li nstabu li jiffaċilitaw il-bidu tat-tipjip billi jaħbu togħmiet tat-tabakk eħrex, hi partikularment adatta. L-istess jgħodd għall-projbizzjoni ta' pakketti tas-sigaretti forma ta' lipstick li ta’ spiss huma speċifikament immirati għall-bniet u n-nisa żgħażagħ u li ma jiżgurawx il-viżibbiltà sħiħa tat-twissijiet tas-saħħa.
 
Twissijiet tas-saħħa b'ittri kbar li jgħaqqdu flimkien l-istampa u l-kitba mpoġġijin fuq ix-xifer ta’ fuq taż-żewġ naħat tal-pakkett tas-sigaretti u tat-tabakk tal-brim se jservu bħala tfakkir effettiv tal-konsegwenzi serji tat-tipjip fuq is-saħħa, u jgħinu lin-nies jagħmlu għażliet infurmati.
 
Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet dwar sigaretti elettroniċi li fihom in-nikotina jassiguraw il-konsumaturi li dawn il-prodotti għandhom jikkonformaw mar-regoli dwar is-sikurezza u l-kwalità tagħhom.
 
Il-ftehim dwar dawn il-miżuri u oħrajn futuri, li kollettivament għandhom l-għan li jnaqqsu l-għadd ta’ dawk li jpejpu fl-UE b’2% sal-2020, hu pass importanti, li se jgħin biex jiffaċilita s-suq intern fil-prodotti tat-tabakk, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ saħħa pubblika.

Issa hu sta għall-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttiva f’liġi nazzjonali. Ħeġġiġt bil-qawwa l-Ministri tas-Saħħa fil-Kunsill informali f’Ateni fl-aħħar ta’ April biex jagħmlu dan minnufih, sabiex iċ-ċittadini tagħhom jibbenefikaw bis-sħiħ mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi importanti tal-UE.

Tobacco

Aktar dwar din it-tema