Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI)

L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ hi waħda mir-riżorsi ewlenin ta' finanzjament tal-UE biex jingħata appoġġ għall-implimentazzjoni tal-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ sal-2023. L-UE nedietha fl-2013 biex tipprovdi appoġġ għaż-żgħażagħ li jgħixu fir-reġjuni li fihom il-qgħad fost iż-żgħażagħ kien ogħla minn 25%.

Fis-snin 2021-2023 l-Istati Membri jistgħu jżidu r-riżorsi tagħhom tal-YEI u tal-Fond Soċjali Ewropew biex jgħinu liż-żgħażagħ affettwati mill-kriżi tal-coronavirus bis-saħħa tal-finanzjament addizzjonali tal-UE disponibbli taħt l-inizjattiva tal-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU),

L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ se tappoġġja esklużivament iż-żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjonil-impjieg jew it-taħriġ (NEETs), inklużi żgħażagħ li ilhom qiegħda għal tul ta' żmien jew dawk mhux reġistrati bħala persuni li qed ifittxu impjieg. Dan jiżgura li fil-partijiet tal-Ewropa fejn l-isfidi jinħassu l-aktar, iż-żgħażagħ jistgħu jirċievu appoġġ immirat lejhom. Tipikament, il-YEI tiffinanzja l-provvediment ta’

  • apprendistati
  • traineeships
  • kollokament f'impjieg
  • aktar edukazzjoni li twassal għal kwalifika.

Il-YEI tappoġġja l-implimentazzjoni tal-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Skont il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri biex jiżguraw li ż-żgħażagħ sal-età ta' 25 sena jirċievu offerta ta' impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien 4 xhur mit-tluq tagħhom mill-iskola jew ta’ qgħad.

L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ hi komplementari għal azzjonijiet oħrajn magħmulin fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari dawk bl-appoġġ tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), bl-għan li jimplimentaw l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Il-FSE jista' jilħaq lil hinn mill-appoġġ dirett lill-individwi filwaqt li jgħin biex jiġu riformati l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ u s-sistemi u s-servizzi soċjali.

Finanzjament

Perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027

Għall-perjodu 2021-2027, għas-simplifikazzjoni, l-istituzzjonijiet tal-UE integraw l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fil-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), filwaqt li żammew l-attenzjoni fuq l-impjiegi taż-żgħażagħ.  L-Istati Membri kollha se jkollhom jinvestu ammont xieraq mir-riżorsi tal-FSE+ tagħhom għal azzjonijiet immirati u riformi strutturali li jappoġġjaw l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ taż-żgħażagħ.

Barra minn hekk, l-Istati Membri b’rata ogħla mill-medja tal-UE ta’ żgħażagħ ta’ bejn il-15 u d-29 sena barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETs) għas-snin 2017-2019 għandhom jallokaw mill-anqas 12.5% tar-riżorsi tal-FSE+ tagħhom liż-żgħażagħ.

Perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020

Il-baġit totali tal-YEI hu €8.9 biljun għall-perjodu 2014-2020. Il-baġit inizjali kien ta’ €6.4 biljun. Madankollu, minħabba l-livelli persistentement għoljin ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, l-UE żiedet dan il-baġit fl-2017, l-2019 u l-2020 b’total ta’ €2.5 biljun f’riżorsi addizzjonali.

Nofs il-baġit ġej minn linja baġitarja ddedikata għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, li hija kkumplementata minn ammont korrispondenti mill-FSE. L-Istati Membri eliġibbli jkomplu jikkumplementaw ir-riżorsi tal-FSE b’kofinanzjament nazzjonali. Il-YEI hi implimentata skont ir-regoli tal-FSE.

Sabiex jiġu mobilizzati azzjonijiet tal-YEI b'aktar ħeffa fil-post, ġew rilaxxati fondi sostanzjali lill-Istati Membri f'forma ta' finanzjament minn qabel, li fl-2015 kienu eċċezzjonalment miżjuda għal 30% tal-linja baġitarja speċjali tal-YEI. 

Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022

Il-ftehim politiku dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ intlaħaq f’Diċembru 2021. Matul l-2022, il-Kummissjoni se tikkoordina firxa ta’ attivitajiet f’kuntatt mill-qrib mal-Parlament Ewropew, mal-Istati Membri, mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u maż-żgħażagħ stess.

Għal aktar informazzjoni ara l-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ.

Ixxerja din il-paġna