Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Appoġġ għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna



Sa mill-ewwel jum tal-att ta’ aggressjoni bla preċedent u mhux ġustifikat mir-Russja kontra l-Ukrajna, l-Ewropa baqgħet magħquda.

Qed nappoġġjaw lil dawk li qed ifittxu kenn u ngħinu lil dawk li qed ifittxu mod sikur biex imorru lura lejn pajjiżhom. 

L-UE se tkompli toffri assistenza politika, finanzjarja u umanitarja b’saħħitha lill-Ukrajna u timponi sanzjonijiet ħarxa kontra r-Russja u dawk kompliċi fil-gwerra.  

Naħdmu wkoll biex niżguraw integrazzjoni rapida u effettiva fis-suq tax-xogħol ta’ dawk li ħarbu mill-gwerra. 

Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea mmobilizzat il-finanzjament tal-UE biex tappoġġja lill-Istati Membri li qed jilqgħu lin-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna

Finanzjament biex jiġu appoġġjati r-refuġjati mill-Ukrajna

CARE introduċiet flessibbiltà massima għall-Istati Membri biex jużaw il-fondi disponibbli tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020 għal miżuri li jappoġġjaw lill-persuni li qed jaħarbu mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.

Barra minn hekk, il-pakkett tal-2022 ta’ €10 biljun ta’ fondi REACT-EU jista’ jintuża immedjatament biex jiġu indirizzati dawn il-ħtiġijiet ġodda. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni żiedet il-prefinanzjament taħt REACT-EU b’€3.5 biljun.

Hi kompliet tissimplifika wkoll il-mobilizzazzjoni ta’ fondi biex ikopru l-ħtiġijiet immedjati tar-refuġjati bħall-ikel, l-assistenza materjali bażika kif ukoll l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tat-trasport.

Dawn huma passi importanti biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed riżorsi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet dejjem jikbru għall-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa.

Aċċess għall-impjiegi u t-taħriġ għal dawk li qed jaħarbu mill-Ukrajna

Mill-bidu tal-gwerra mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna u ċ-ċivili tagħha, miljuni ta’ persuni ħarbu mill-Ukrajna u waslu fl-UE.

S’issa numru relattivament żgħir biss ta’ dawk fl-età tax-xogħol irnexxielhom jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-UE, għalkemm in-numru ta’ persuni li jixtiequ jagħmlu dan mistenni jikber.

Hu importanti ferm li niżguraw integrazzjoni malajr u effettiva fis-suq tax-xogħol lill-komunitajiet ospitanti u lil dawk li qed jaħarbu l-gwerra ħalli jkunu jistgħu jerġgħu jibnu ħajjithom u jibqgħu jtejbu l-ħiliet tagħhom, u ħalli eventwalment ikunu jistgħu jerġgħu jibnu l-Ukrajna

Barra minn hekk, hu essenzjali wkoll li jkomplu jtejbu l-ħiliet li għandhom u li jiksbu ħiliet ġodda ħalli jkunu jistgħu jipparteċipaw b’suċċess fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.

Għalhekk, l-UE toffri sensiela ta’ għodod li jgħinu lin-nies isibu xogħol:

Il-Kummissjoni poġġiet ukoll għad-dispożizzjoni numru ta’ għodod bl-Ukren permezz tal-pjattaforma tal-Europass. Dan se jgħin lill-utenti li jitkellmu bl-Ukren joħolqu s-CVs, jittestjaw il-ħiliet diġitali tagħhom, jibagħtu l-applikazzjonijiet u jsibu offerti ta’ impjieg u taħriġ fl-UE.

Ixxerja din il-paġna