Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

Minn Tonio Borg, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur

Minn Tonio Borg, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur

Fid-19 ta' Diċembru 2012 il-Kummissjoni Ewropea adottat il-proposta tagħha li tirrevedi d-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk tal-2001, sabiex tirrifletti l-iżviluppi reċenti fis-suq tat-tabakk, is-sejbiet xjentifiċi ġodda u l-impenji internazzjonali.  

It-tabakk hu l-ikbar riskju tas-saħħa li jista' jiġi evitat fl-UE, li kull sena jikkawża kważi 700,000 mewt qabel iż-żmien u miljuni ta' snin ta' ħajja b'nuqqas ta’ saħħa.

Din hi r-raġuni għaliex l-UE tistinka biex jiġu regolati l-prodotti tat-tabakk b'mod li jirriflettu l-ħsara tagħhom għas-saħħa, biex b'hekk in-nies jiġu skoraġġuti milli jibdew ipejpu, tingħata għajnuna lil dawk li jpejpu ħalli jieqfu, jiġi protett il-pubbliku mid-duħħan tat-tabakk u biex ikun hemm restrizzjoni fuq ir-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea għandha rwol attiv fil-kontroll dinji tat-tabakk, b'mod partikolari permezz tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, li timpenja pajjiżi madwar id-dinja kollha li jaġixxu biex inaqqsu l-imwiet u l-mard marbut mat-tipjip, u tipprovdi qafas għal miżuri ta' kontroll tat-tabakk dejjem aktar stretti.

Minkejja l-progress konsiderevoli li sar, l-għadd ta' dawk li jpejpu fl-UE għadu għoli – 28% tal-popolazzjoni u 29% taż-żgħażagħ Ewropej għadhom ipejpu. Billi t-tabakk iwassal għad-dipendenza u billi 94% ta' dawk li jpejpu jibdew jagħmlu dan qabel ma jilħqu l-età ta' 25 u 70% anki qabel ma jkollhom 18-il sena, il-politika tal-UE tiffoka sabiex il-prodotti tat-tabakk ikunu anqas attraenti, biex b’hekk iż-żgħażagħ ma jitħajrux jibdew ipejpu.

Il-prodotti tat-tabakk għandhom jidhru u jintiegħmu bħala prodotti tat-tabakk u mhux bħal xi ħaġa oħra. F’dan il-kuntest, il-proposta adottata f’Diċembru għandha l-għan li tiżgura li l-ippakkjar attraenti u t-togħmiet ma jintużawx bħala strateġija ta' kummerċjalizzazzjoni.

Matul l-aħħar 10 snin, il-prodotti tat-tabakk inbidlu. Togħmiet aktar qawwija u ppakkjar aktar kreattiv qed jintużaw biex jagħmluhom aktar attraenti. Prodotti ġodda bħas-sigaretti elettroniċi huma wkoll disponibbli.

Barra minn hekk, l-evidenza wriet li xi wħud mir-rekwiżiti fid-Direttiva attwali jiżgwidaw il-konsumaturi billi jġegħluhom jemmnu li prodott tat-tabakk wieħed hu anqas ta' ħsara minn ieħor.

Għalhekk il-proposta tal-Kummissjoni tressaq regoli ġodda u msaħħin dwar kif jistgħu jiġi manifatturati, ippreżentati, u mibjugħin il-prodotti tat-tabakk. Din tipprojbixxi l-użu ta' sigaretti tal-brim u tal-prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux b'togħmiet partikulari u tagħmel obbligatorju l-użu tal-avviżi tas-saħħa bi stampi kbar fuq is-sigaretti u t-tabakk tal-brim. Hi tirregola l-bejgħ bejn il-fruntieri minn fuq l-internet u tipprevedi fatturi kontra l-kummerċ illegali. Barra minn hekk, il-proposta żżomm il-projbizzjoni eżistenti tat-tabakk orali; tissottometti t-timgħid u x-xamm tat-tabakk għar-regolamenti speċifiċi dwar it-tikketti u l-ingredjenti; u tirregola s-sigaretti elettroniċi u mill-ħxejjex.

Ir-Reviżjoni tad-Direttiva dwar  it-Tabakk

Aktar dwar din it-tema