Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Flimkien għal għajxien indipendenti

Aħna lkoll għandna nkunu nistgħu niddeċiedu fejn, kif u ma min ngħixu. Però, għal ħafna persuni b’diżabilità dan mhux possibbli, ta’ spiss minħabba nuqqas ta’ servizzi fil-komunità, appoġġ insuffiċjenti għall-familji u dawk li jieħdu ħsiebhom u ambjenti u servizzi inaċċessibbli. Il-pandemija Covid-19 tefgħet dawl fuq l-isfidi li persuni b’diżabilità jħabbtu wiċċhom magħhom, sew jekk jgħixu fil-komunità kif ukoll jekk f’istituzzjonijiet. L-Istrateġija ta’ għaxar snin għad-Drittijiet għal Persuni b’Diżabilità tal-Kummissjoni tindirizza din l-inugwaljanzja u tistabbilixxi azzjonijiet li ser jagħtu lil persuni b’diżabilità iktar kontroll fuq dan l-aspett fundamentali ta’ ħajjithom.

Il-verżjoni Faċli biex tinqara ta’ dan it-test hi disponibbli hawn

L-appoġġ tajjeb biex tgħix b’mod indipendenti u tkun parti mill-komunità

Mara avvanzata f'siġġu tar-roti iżżomm idejn żewġt itfal. Test li jgħid: flimkien għal għajxien indipendenti, #EUDisabilityRights, #UnionOfEquality.

Iktar minn miljun persuna b’diżabilità taħt il-65 jgħixu f’istituzzjonijiet fl-UE. Din il-figura titla’ għal żewġ miljuni għal persuni 'l fuq minn 65. Ftit minnhom huma separati mill-komunità tagħhom u mhumiex involuti biżżejjed f’ħajjithom stess. Biex intuhom lura iktar kontroll u nħalluhom jgħixu b’mod indipendenti, hemm bżonn li s-servizzi jitjiebu. Persuni b’diżabilità għandhom bżonn servizzi lokali aċċessibbli, affordabbli u mfassla għalihom ħalli jkunu jistgħu jgħixu f’darhom stess jew mal-familji tagħhom. Dan forsi jista’ jkun bħal servizzi ta’ kura regolari, għajnuna medika fid-dar, assistenza għall-ivvjaġġar jew għajnuna biex jiġġestjonaw l-ħajja tagħhom ta’ kuljum (ibbaġitjar, xiri, eċċ.). U din l-assistenza għandha bżonn tkun disponibbli f’komunitajiet rurali u iktar remoti, mhux biss fl-ibliet.

L-Istrateġija tissuġġerixxi serjè ta’ azzjonijiet biex tgħin persuni b’diżabilità jagħżlu l-mod kif jgħixu u jieħdu l-post li jistħoqqilhom fil-komunità tagħhom. Ftit minnhom huma mniżżla hawn taħt.

  • Il-Kummissjoni ser tipproduċi gwida dwar kif intejbu l-għajxien indipendenti sal-2023.
  • Stati Membri tal-UE għandhom jippromwovu u jiffinanzjaw akkomodazzjoni soċjali aċċessibbli għal persuni b’diżabilità u jindirizzaw l-isfida ta’ persuni mingħajr dar fost persuni b’diżabilità.
  • Il-Kummissjoni ser tipproduċi wkoll qafas għas-Servizzi Soċjali ta’ Eċċellenza għal persuni b’diżabilità sal-2024 biex ittejjeb l-għajnuna disponibbli. Ser tara ukoll x’tista’ tagħmel biex dan is-settur isir post li jiġbdek iktar biex taħdem fih fid-dawl tal-importanza tiegħu.
  • L-Istati Membri tal-UE għandhom jużaw il-prattiċi t-tajba li kienu identifikati biex jassikuraw li l-bidla minn istituzzjoni għal ħajja iktar indipendenti fil-komunità tkun suċċess.

Hi r-responsabbiltà tas-soċjetà li tassikura li persuni b’diżabilità jistgħu jagħmlu għażliet reali dwar fejn u ma min jgħixu.

Aħbarijiet relatati

Ebda aħbar relatata fl-aħħar sitt xhur.

Ixxerja din il-paġna