Sit web uffiċjali tal-Unjoni Ewropea Sit web uffiċjali tal‑UE

Din il-paġna hija disponibbli b’dawn il-lingwi:

Dwar l-IMI


X’inhi l-IMI?

Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar is-Suq Intern (IMI) hi għodda sigura, multilingwi online li tiffaċilita l-Iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi involuti fl-implimentazzjoni prattika tal-liġi tal‑UE.

L-IMI tgħin l-awtoritajiet iwettqu l-obbligi ta’ kooperazzjoni amministrattiva transfruntieri f’oqsma multipli tal-politika tas-Suq Uniku.

Attwalment, l-IMI tappoġġja 67 proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva f’17-il qasam ta’ politika differenti. L-IMI tista’ tkun adattata, bi ftit jew b’ebda sforz ta’ żvilupp, biex tappoġġja aktar oqsma ta’ politika.

Hi rnexxielha timmodernizza l-kooperazzjoni amministrattiva transfruntiera u tiżgura li s-Suq Uniku jaħdem fil-post. Għalkemm l-utenti aħħara tal-IMI huma l-awtoritajiet nazzjonali pubbliċi, il-benefiċjarji ta’ din il-kooperazzjoni mtejba huma n-negozjanti u ċ-ċittadini.

Fatti u ċifri ewlenin

  • L-IMI ġiet żviluppata mill-Kummissjoni b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.
  • L-ewwel skambji ta’ informazzjoni seħħew fl-2008. In-numru totali tal-iskambji kollha tal-IMI jaqbeż il-207,000.
  • Il-volumi tat-talbiet ta’ informazzjoni tal-IMI żdiedu minn 30 fix-xahar fl-2008 għal aktar minn 1,500 fix-xahar fl-2019.
  • Adottat fl-2012, ir-Regolament tal-IMI jistabbilixxi l-ambitu tal-IMI, ir‑rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi differenti, u r-regoli għall-immaniġġjar tad-data personali.
  • Imnedija fl-2016, il-Karta Professjonali Ewropea (KPE) hi l‑ewwel proċedura online mal-UE kollha, li tħaffef ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali.
  • F’Jannar 2020, l-IMI ħadet post l-għodda ta’ qabel użata biex tappoġġja n-Network ta' Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, billi kompliet tikkontribwixxi għar-razzjonalizzazzjoni tal-għodod tal-IT ipprovduti mill-Kummissjoni.
    L-implimentazzjoni tal-IMI f’dan il-qasam ta’ politika ġdid tikkonnettja aktar minn 300 awtorità tal-konsumatur, billi tkopri 25 Direttiva u Regolament.
  • Attwalment jeżistu aktar minn 12,000-il awtorità reġistrata b’aktar minn 35,000 utent reġistrat.

Tipi ta’ skambji ta’ informazzjoni offruti mill-IMI

Il-kitt tal-għodda tal-IMI jkopri l-proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva l‑aktar komuni:

  • It-talbiet tal-IMI huma skambji one-to-one bejn żewġ awtoritajiet kompetenti.
  • In-notifiki u t‑twissijiet tal-IMI huma skambji one-to-one li fihom l‑Istati Membri jistgħu jixxerjaw l-informazzjoni ma’ Stati Membri oħrajn u/jew mal-Kummissjoni.
  • Ir-repożitorji tal-IMI jippermettu lill-awtoritajiet li jiskambjaw informazzjoni relatata ma’ qasam ta’ politika speċifiku f’bażi tad-data ċentralizzata.
  • L-interface pubbliku jippermetti li atturi esterni jikkomunikaw mal-awtoritajiet kompetenti reġistrati fl‑IMI (eż. is-sottomissjoni ta’ każijiet SOLVIT u l‑applikazzjoni tal‑KPE).

Il-benefiċċji tal-użu tal-IMI

  • L-IMI tista’ tkun użata bil-lingwi kollha tal-UE. Kontenut, mistoqsijiet, tweġibiet, messaġġi u oqsma ta’ formoli standardizzati huma tradotti minn qabel. Barra minn hekk traduzzjoni awtomatizzata hi disponibbli għall-informazzjoni pprovduta f’test ħieles.
  • Il-funzjoni ta’ tfittxija multilingwi tgħin lill-awtoritajiet jidentifikaw il-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi oħra taż-ŻEE.
  • L-IMI hi flessibbli u tista’ takkomoda kwalunkwe struttura amministrattiva nazzjonali: ċentralizzata, deċentralizzata jew kwalunkwe bejniethom.
  • L-iskambju ta’ informazzjoni permezz tal-IMI hu kompletament sigur u l-protezzjoni tad-data garantita.
  • L-utenti kollha jistgħu jibbenefikaw min-network eżistenti tal-Koordinaturi Nazzjonali tal-IMI għal taħriġ u appoġġ.
  • L-użu tal-IMI ma jiġġenera ebda spejjeż tal-IT għall-Istati Membri.

Krediti IMI

Żviluppata bejn il-Kummissjoni u amministraturi nazzjonali, IMI ġiet iffinanzjata l-aktar bil-programmi IDABCISA.

Jekk tixtieq tevalwa b’mod aktar preċiż kif l-IMI tista’ tiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam speċifiku tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattjana għad-dettalji.

Aċċess għall-IMI

L-utenti reġistrati biss għandhom aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar is-Suq Intern (IMI).

sistema ta’ taħriġ tal-IMI

Jekk għadek ġdid/a fuq l-IMI u tixtieq tidhra s-sistema, tista’ tuża s-sistema ta’ taħriġ.

Biex tagħmel dan, l-ewwel trid tirreġistra.

Għadek m’intix irreġistrat?

Ir-rikjesta tiegħek għar-reġistrazzjoni trid tiġi approvata minn koordinatur nazzjonali tal-IMI. Huma awtoritajiet kompetenti biss li jistgħu jitolbu reġistrazzjon fl-IMI.