Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Il-Finlandja

Nota

  • Ir-residenti tad-Danimarka, l-Iżlanda, in-Norveġja jew l-Iżvezja jridu juru biss karta tal-identità nazzjonali valida u jipprovdu l-indirizz permanenti tagħhom fil-pajjiż Nordiku l-ieħor biex jiksbu l-kura tas-saħħa pubblika fil-Finlandja fuq l-istess termini bħar-residenti lokali.

Emerġenza

  • Ċempel il-112
  • Ikkuntattja ċentru tas-saħħa lokali jew sptar fir-reġjun fejn qed toqgħod.

Il-Finlandja għandha żewġ ilsna uffiċjali: il-Finlandiż u l-Iżvediż. Il-biċċa l-kbira tal-persuni, inklużi l-professjonisti mediċi, jitkellmu wkoll bl-Ingliż.


Kura, kopertura u spejjeż

Tobba

  • Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tintitolak għall-kura medika neċessarja fi kwalunkwe faċilità tal-kura tas-saħħa pubblika. Tista' tikkuntattja ċentru tas-saħħa lokali, fejn il-professjonisti tal-kura tas-saħħa jevalwaw x'tip ta' kura medika għandek bżonn.
  • Trid turi Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa valida u passaport jew xi forma oħra ta' identifikazzjoni biex tieħu l-kura bl-istess prezz bħar-residenti.
  • Iċ-ċentru tas-saħħa jiċċarġjak biss tariffa tal-klijent skont skala fissa ta' tariffi.
  • Jekk għadek m’għalaqtx it-18, il-kura hi fil-biċċa l-kbira bla ħlas.
  • Tista' wkoll tmur għand tobba u kliniki privati. F'dan il-każ ikollok tħallas it-tariffa sħiħa. Madankollu, tista’ titlob rimborż tal-kura medika neċessarja aktar tard mill-istituzzjoni tal-assigurazzjoni soċjali Kela  jew l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek.

Dentisti

  • Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tintitolak għall-kura medika neċessarja fi kwalunkwe faċilità tal-kura tas-saħħa pubblika. Ikkuntattja liċ-ċentru lokali tas-saħħa jekk teħtieġ kura tas-snien.
  • Trid turi Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa valida u passaport jew xi forma oħra ta' identifikazzjoni biex tieħu l-kura bl-istess prezz bħar-residenti.
  • Iċ-ċentru tas-saħħa jiċċarġjak biss tariffa tal-klijent ibbażata fuq skala fissa ta' tariffi. Hemm ukoll ħlas għal trattamenti differenti, li jista’ jvarja skont il-proċedura (madwar €9.5 - €250).
  • Jekk għadek m’għalaqtx it-18, il-kura tas-snien hi ġeneralment bla ħlas.
  • Tista' wkoll tmur għand dentisti u kliniki privati. F'dan il-każ ikollok tħallas it-tariffa sħiħa. Madankollu, tista’ titlob rimborż tal-kura medika neċessarja aktar tard mill-istituzzjoni tal-assigurazzjoni soċjali Kela  jew l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek.

Kura fi sptar

  • Biex tiddaħħal fi sptar ikollok bżonn riferiment mingħand tabib. F'każ ta' emerġenza, tista’ tmur direttament fl-unità tal-emerġenza ta' kwalunkwe sptar pubbliku.
  • Trid turi Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa valida u passaport jew identifikazzjoni oħra.
  • Teżisti tariffa kuljum għall-klijenti li jieħdu l-kura in-patient.
  • Jekk għadek m’għalaqtx it-18, m’għandekx għalfejn tħallas it-tariffa ta' kuljum għal aktar minn sebat ijiem fl-istess sena kalendarja.
  • Jeżistu tariffi tal-klijent għall-kura fi sptar out-patient.
  • Jekk tmur fi sptar privat, ikollok tħallas l-ispejjeż kollha. Madankollu, tista’ titlob rimborż tal-kura medika neċessarja aktar tard mill-istituzzjoni tal-assigurazzjoni soċjali Kela  jew l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek.

Riċetti tat-tabib

  • Fil-Finlandja, tista’ tixtri mediċina b’riċetta stampata li tinħareġ f’pajjiż ieħor tal-UE jew taż-ŻEE jew fl-Iżvizzera jekk il-mediċina inkwistjoni tkun liċenzjata għall-bejgħ fil-Finlandja. Tista’ tuża wkoll riċetta elettronika li tinħareġ fl-Estonja, fil-Kroazja, fil-Portugall, fil-Polonja jew fi Spanja.
  • Fl-ispiżerija trid tħallas il-prezz kollu tal-mediċina.
  • L-ispiżerija għandha tagħtik irċevuta għan-nefqa kollha tar-riċetta, li mbagħad tista’ tużaha biex titlob rimborż għal kura medikament neċessarja mingħand Kela.

Ambulanza

  • Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tagħtik id-dritt għal kura ta' emerġenza f'ambulanza. Trid turi l-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa lill-ħaddiema tal-ambulanza.
  • L-ambulanza se tiċċarġjak tariffa tal-klijent.

Ambulanza bl-ajru

  • Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tagħtik id-dritt għal kura ta' emerġenza f'ambulanza tal-ajru. Trid turi Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa valida lill-ħaddiema tal-ambulanza tal-ajru.
  • Il-ħtieġa għal trasport bl-ajru tiġi deċiża meta jintuża n-numru tal-emerġenza 112.
  • Hemm tariffa tal-klijent għas-servizz tal-ambulanza bl-ajru.

Rimborż

  • Is-sistema tal-assigurazzjoni tas-saħħa nazzjonali troddlok lura parti mill-ispejjeż ta':
    • xi servizzi tal-kura tas-saħħa privati, skont skeda ta' tariffi stipulati,
    • ivvjaġġar marbut ma' kura u testijiet,
    • mediċini preskritti minn tabib.
  • Ma jsir ebda rimborż għat-tariffi standard li jiċċarġjaw iċ-ċentri tas-saħħa jew l-isptarijiet pubbliċi.
  • Ir-rimborż tista' tagħmel talba għalih mill-Kela, l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni soċjali, billi tibgħat il-formola SV 127(e), normalment disponibbli fil-kliniċi privati. Il-formola tista' ssibha wkoll fis-sit web tal-Kela.
  • Imla l-formola u ffirmaha. L-informazzjoni mitluba tinkludi l-indirizz permanenti, id-data u d-dettalji tal-bank tiegħek (isem il-bank u n-numru tal-kont, inkluż in-Numru Internazzjonali tal-Kont tal-Bank (IBAN) u l-Kodiċi tal-Identifikazzjoni tal-Bank BIC).
  • Inkludi kopji tad-dokumenti rilevanti meta tibgħat il-formola lill-Kela. Dawn jinkludu d-dokumentazzjoni dwar it-tariffa tat-tabib u l-eżaminazzjoni u l-kura mogħtija mit-tabib, il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa u l-passaport jew identifikazzjoni oħra.
  • Il-Kela tqiegħed ir-rimborż direttament fil-kont tal-bank tiegħek.
  • Issottometti t-talbiet għar-rimborż tan-nefqa tiegħek fi żmien sitt xhur min-nefqa oriġinali.
  • Ara d-dettalji tar-rimborż fuq is-sit web tal-Kela.

In-numru tas-servizz għar-rimborż ta' spejjeż mediċi
Tel: +358 20 634 0200 (bil-Finlandiż)
Tel: +358 20 634 0300 (bl-Iżvediż)
Tel: +358 20 634 0200 (bl-Ingliż)

Jekk ikollok tħallas għall-kura medika iżda ma rnexxilekx tibgħat talba għar-rimborż waqt li kont fil-Finlandja, ikkuntattja lill-fornitur tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek meta tasal lura f'pajjiżek.


Kontribuzzjoni tal-pazjent

  • Fil-Finlandja s-servizzi tas-saħħa pubbliċi huma:
    • bla ħlas, jew
    • it-tariffa tal-klijent hi l-istess għal kulħadd, jew
    • it-tariffa tal-klijent hi determinata skont l-introjtu u r-relazzjonijiet tal-familja.
  • It-tariffi massimi imposti fuq is-servizzi tas-saħħa pubblika huma stipulati fil-leġiżlazzjoni. Il-kontei tas-servizzi tal-benesseri jistgħu jagħżlu li jużaw tariffi aktar baxxi jew li jipprovdu s-servizz rilevanti bla ħlas. Il-kontei tas-servizzi tal-benesseri ma jistgħux jiġbru tariffi għas-servizzi ogħla mill-prezz attwali tas-servizzi.
  • It-tariffi għas-servizzi pubbliċi għandhom limitu massimu kull sena kalendarja li meta jintlaħaq il-klijent ma jkollux għalfejn ikompli jħallas. Dan ma japplikax għall-hekk imsejħa tariffa ta’ mantenimet għall-kura istituzzjonali fuq żmien qasir. Għal aktar informazzjoni ara l-paġni web tal-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa.
  • Il-miżati u t-tariffi għal prattika privata: il-Kela tħallas rimborżi għal parti mit-tariffa ta' tabib privat u għal xi testijiet jew trattamenti skont skeda ta' tariffi fissi. L-iskeda tat-tariffi fissi hi biss bil-Finlandiż fil-paġna web tal-Kela. It-tariffa jew imposta massima rimborżabbli speċifikata fl-iskeda normalment tkun iżgħar mis-somma li fil-fatt tiġi mitluba.
  • M'hemm ebda rimborż għas-servizzi mediċi li tieħu mingħand fornituri tas-settur pubbliku u lanqas għall-perjodi li fihom persuna tkun qed tirċievi kura fi sptar jew istituzzjoni pubblika (bħal dar tax-xjuħ)
  • Ir-rimborżi mingħand il-Kela huma disponibbli wkoll għall-mediċini bir-riċetta.

Dijaliżi, ossiġenu u kimoterapija

Jekk ikollok bżonn kura bħal din, ikkuntattja minn qabel lill-unità tal-kura tas-saħħa (pereżempju sptar), fejn tixtieq li tirċievi l-kura.


Kif napplika għal EHIC?

  • L-EHIC hi disponibbli għal kull min hu kopert bis-sistema ta’ assigurazzjoni tas-saħħa Finlandiża u għal dawk il-persuni li għalihom hi responsabbli l-Finlandja fir-rigward tal-ispejjeż għall-kura tas-saħħa.
  • Tista’ tordna l-EHIC

Fejn jaċċettaw l-EHIC

  • Sfortunatament mhix disponibbli lista iżda l-provvedituri tal-kura tas-saħħa kollha fil-Finlandja jaċċettaw il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa. Tista’ ssib informazzjoni ta’ kuntatt fis-sit web tal-punt ta’ kuntatt Finlandiż għall-kura tas-saħħa transfruntiera. Email: yhteyspiste@kela.fi.
  • Jekk tmur għand tabib privat jew fi klinika privata, ikollok tħallas it-tariffa sħiħa iżda tista’ tagħmel talba għar-rimborż ta’ kura medikalment neċessarja aktar tard, mingħand il-Kela jew l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek stess.

Kard mitlufa jew misruqa

Kuntatti għal min għandu EHIC li nħarġet fil-Finlandja

Ikkuntattja ċ-Ċentru tal-Kela għall-Affarijiet Internazzjonali
Tel: +358 20 634 0200
Faks: +358 20 634 1599
Email: inter.helsinki@kela.fi

Ixxerja din il-paġna