Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

minn Martin Seychell, id-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kummissjoni Ewropea

minn Martin Seychell, id-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni kif tista’ tgħin biex is-sistemi tas-saħħa jkunu aktar effettivi, reżiljenti u aċċessibbli? Din hija sfida kumplessa – l-Istati Membri għandhom is-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali tagħhom stess – in-netwerk tagħhom ta’ persuni, istituzzjonijiet u riżorsi li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa – allura l-UE kif tista’ tagħti valur miżjud?

Kif deskritt fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2014 dwar is-sistemi tas-saħħa, il-Kummissjoni tippromwovi l-kooperazzjoni fil-livell tal-UE bl-għan li tissaħħaħ l-effettività, aktar aċċessibilità u titjieb r-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa fl-UE.  

Sabiex tissaħħaħ l-effettività, pereżempju, l-UE tħeġġeġ il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa, is-sikurezza tal-pazjenti u l-integrazzjoni tal-kura. Biex titjieb ir-reżiljenza, tippromwovi l-kooperazzjoni fil-Valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa (HTA) u s-Saħħa elettronika.  U biex tiżdied l-aċċessibilità, l-UE tippromwovi forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa adattata, aċċess għal mediċini innovattivi u l-aqwa implimentazzjoni possibbli tad-Direttiva tal-2011 dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali.

L-objettivi tripli ta’ effettività, aċċessibilità u reżiljenza, huma wkoll fatturi għall-kunsiderazzjoni ta’ riformi fis-sistemi tas-saħħa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, jiġifieri ċ-ċiklu annwali tal-UE għall-koordinazzjoni tal-politika makroekonomika, baġitarja u r-riformi strutturali, li permezz tiegħu l-UE tipprovdi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż u tivvaluta l-progress fl-aġenda tar-riforma.

Il-”proċess tas-semestru” enfasizza l-elementi li ġejjin għar-riformi fis-sistemi tas-saħħa: l-għoti ta’ u l-aċċess għal servizzi tal-kura tas-saħħa primarja effettiva , biex dan iwassal għal użu kosteffettiv tal-mediċini, titjib tal-integrazzjoni tal-kura, valutazzjoni tal-effettività relattiva tat-teknoloġiji tas-saħħa u tħeġġiġ tal-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard.

F’Ġunju 2016, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) lill-Istati Membri. Minkejja s-simplifikazzjoni ġenerali u tnaqqis fl-għadd ta’ CSRs, l-għadd ta’ CSRs dwar ir-riformi tas-sistemi tas-saħħa żdied minn 11 fl-2015 għal 13 fl-2016. B’mod ġenerali, fl-2016, l-enfasi tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa baqa’ fuq il-ħtieġa li titjieb l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa, iżda din l-isfida fiskali hija spiss marbuta ma’ oħrajn - bħall-effettività, il-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-kura tas-saħħa. L-aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja hija enfasizzata bħala għan politiku espliċitu f’6 CSRs ta’ din is-sena. Barra minn hekk, bosta rakkomandazzjonijiet jirrikjedu riformi konkreti u mmirati lejn l-ottimizzazzjoni tas-settur tal-isptarijiet u t-tisħiħ tal-kura primarja.

Il-prinċipju dwar l-aċċess għall-kura tas-saħħa, li jirrifletti l-ħtieġa li jiġi pprovdut aċċess f’waqtu għal kura ta’ kwalità tajba u bi prezz aċċessibbli għal kulħadd, ġie inkluż ukoll fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-partijiet ikkonċernati kollha huma mistiedna jieħdu sehem fit-tiswir tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u jistgħu jagħmlu dan billi jieħdu sehem fil-konsultazzjoni mnedija mill-Kummissjoni li se tibqa’ miftuħa sal-31 ta’ Diċembru 2016.  

Issa aktar minn qatt qabel, hu importanti li jiġi enfasizzat il-kontribut li s-saħħa twassal għall-prosperità ekonomika u l-koeżjoni soċjali.

Health systems

Aktar dwar din it-tema