Politika

It-teknoloġija tas-saħħa hi l-applikazzjoni tal-għerf xjentifiku fil-kura tas-saħħa u tal-prevenzjoni tal-mard. Il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa (HTA) hi proċess multidixxiplinarju li jiġbor fil-qosor l-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet mediċi, soċjali, ekonomiċi u etiċi relatati mal-użu tat-teknoloġija tas-saħħa b'mod sistematiku, trasparenti, bla preġudizzju, u qawwi. L-għan hu li tingħata informazzjoni għat-tfassil ta' politiki dwar is-saħħa sikuri u effettivi li jiffokaw fuq il-pazjent u jfittxu li jwettqu l-aħjar valur.
Minkejja l-għanijiet tal-poltika tagħha, l-HTA mhix dejjem ankrata tajjeb fir-riċerka u l-metodu xjentifiku.

Eżempji tat-Tekonoloġija tas-Saħħa huma l-metodi ta' dijanjosi u ta' kura, it-tagħmir mediku, il-farmaċewtiċi, ir-riabilitazzjoni u l-metodi ta' prevenzjoni, is-sistemi ta' organizzazzjoni u ta' appoġġ li fihom tingħata l-kura tas-saħħa.

Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri l-HTA għandha sehem importanti fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar is-saħħa bbażati fuq l-evidenza. Il-Kummissjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam.

Kooperazzjoni dwar il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa

Attwalment il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem fuq inizjattiva konġunta – Azzjoni Konġunta skont il-Programm tas-Saħħa – flimkien mal-Istati Membri fil-qasam tal-HTA. Din l-Azzjoni Konġunta għandha l-għan li:

  • ikun hemm orjentazzjonijiet ċari dwar x'jista' jsir aħjar dwar l-HTA fil-livell tal-UE
  • ikun evitat xogħol doppju bejn l-aġenziji nazzjonali
  • tinfirex il-kompetenza tal-esperti għall-benefiċċju tal-pajjiżi kollha tal-UE
  • jissaħħu l-valutazzjonijiet imwettqa mill-pajjiżi tal-UE
  • ikunu żviluppati għodda ta' governanza trasparenti, notevolment fir-rigward tal-partijiet interessati
  • ikun prodott għadd ta' valutazzjonijiet xjentifiċi konġunti dwar l-interventi, it-tagħmir mediku u l-farmaċewtiċi
  • ikunu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Forum dwar il-Farmaċewtiċi dwar l-effettività relattiva tal-farmaċewtiċi

L-Azzjoni Konġunta , stabbilita mill-2010 sal-2012, tinvolvi 24 Stat Membru u l-pajjiżi tal-EFTA (in-Norveġja u l-Iżvizzera) u tirċievi finanzjament ta' (50%) € 6 miljuni mill-Programm tas-Saħħa Pubblika.

Aktar dwar il-proġett EUnetHTA (2006-2008)