Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

minn JM Caldas de Almeida, il-Koordinatur, tal-Azzjoni Konġunta tal-UE dwar is-Saħħa Mentali u l-Benessri

minn JM Caldas de Almeida, il-Koordinatur, tal-Azzjoni Konġunta tal-UE dwar is-Saħħa Mentali u l-Benessri

Azzjoni Konġunta tal-UE dwar is-Saħħa Mentali u l-Benessri tnediet fl-2013 biex tappoġġja s-saħħa mentali bħala prijorità tas-saħħa pubblika Ewropea u biex tiżviluppa għodod li jappoġġjaw l-Istati Membri fit-titjib tal-kundizzjonijiet għall-prevenzjoni, id-dijanjosi u l-kura tad-diżordnijiet mentali f'pajjiżhom.  

Il-Konferenza Finali tal-Azzjoni Konġunta, li saret fi Brussell fil-21 u fit-22 ta' Jannar 2016, ippreżentat l-opportunità sabiex jiġi diskuss il-progress li sar matul dawn l-aħħar tliet snin u sabiex jinżamm dibattitu dwar il-Qafas għal Azzjoni dwar is-Saħħa Mentali u l-Benessri, ir-riżultat l-aktar importanti ta' din l-inizjattiva.

Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-politika proposti mill-ħames gruppi ta' ħidma li jintegraw l-Azzjoni Konġunta, il-Qafas għal Azzjoni jista' b'mod sinifikanti jħalli impatt fuq il-mod li l-pajjiżi Ewropej jindirizzaw il-kwistjonijiet tas-saħħa mentali fil-futur.

Dan il-Qafas jista' jappoġġja l-Istati Membri huma u jeżaminaw mill-ġdid il-politiki u jiskambjaw l-esperjenzi tagħhom biex tittejjeb l-effettività tal-politika permezz ta' approċċi innovattivi, filwaqt li jikkunsidraw ħtiġijiet speċifiċi fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali. Barra minn hekk, hu jista' jipprovdi gwida għall-rieżami u għall-iżvilupp tal-politiki proprji tal-UE.

Dan jagħti tama ġdida lil kull min jimpurtah mis-saħħa mentali fl-Ewropa. Nittamaw li l-Qafas għal Azzjoni jipprova lilu nnifsu li hu strument li l-UE u l-Istati Membri jeħtieġu b'mod tant urġenti għall-iżvilupp ta' strateġija vera u effettiva Ewropea għas-saħħa mentali.

Billi d-diżordnijiet metali jammontaw għal madwar 22% tad-diżabbiltajiet Ewropej u jinkludu kollox minn dipressjoni għal Alzheimer, diżordni ta' stress posttrawmatiku u skizofrenija, u billi jiġi kkkunsidrat li s-saħħa mentali pożittiva hi riżorsa ewlenija għall-individwi u s-soċjetajiet, jeħtieġ li jkollna strateġija fis-seħħ li se tħalli impatt veru.  Illum il-ġurnata fl-UE, huma biss madwar nofs in-nies b'diżordni mentali severa, u bil-bosta anqas b'diżordni mentali ħafifa għal moderata, li jirċievu trattament adegwat, u qed isir anqas biex jiġu impeduti d-diżordnijiet mentali u biex tiġi promossa s-saħħa mentali.

Għalhekk hu kruċjali li l-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-politika tal-Qafas għal Azzjoni, skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom; u li l-Kummissjoni Ewropea tikkomplementa l-azzjonijiet ta' monitoraġġ importanti diġà inizjati permezz ta' EU Compass b'inizjattivi li jikkontribwixxu biex jiġu definiti l-miri li jistgħu jitkejlu sabiex jitwettqu permezz tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fil-Qafas għal Azzjoni.  Għadd bla qies ta' ħajjiet jinsabu f'riskju: kull sforz li nistgħu nagħmlu hu vallapena.