Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

Minn Linda McAvan, membru tal-Parlament Ewropew, Rapporteur dwar id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk

Minn Linda McAvan, membru tal-Parlament Ewropew, Rapporteur dwar id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk

Ftit iktar minn sena ilu daħlet fis-seħħ Direttiva ġdida dwar il-Prodotti tat-Tabakk (TPD). Id-Direttiva hija kisba kbira għas-saħħa pubblika fl-UE, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni taż-żgħażagħ. Meta d-dispożizzjonijiet tagħha jibdew jiġu implimentati fil-pajjiżi tal-UE fix-xhur li ġejjin, se naraw tibdil kbir fit-tip u l-imballaġġ ta’ prodotti tat-tabakk disponibbli fis-suq tal-UE. It-TPD tipprojbixxi togħmiet qawwija bħal frott jew mentol fis-sigaretti u t-tabakk tal-brim. Tirrikjedi li l-pakketti tas-sigaretti jkollhom twissijiet kbar bl-istampi u bil-miktub li jfakkru lill-konsumaturi dwar ir-riskji tat-tipjip u tipprojbixxi l-użu ta’ termini qarrieqa bħal “organiċi” u “naturali”.

Id-Direttiva tintroduċi wkoll miżuri kontra l-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk. Dispożizzjonijiet ġodda għas-sigaretti elettroniċi li fihom in-nikotina għandhom jiżguraw li dawn il-prodotti jkunu aktar sikuri u ta’ kwalità aħjar, u ttikkettati b’mod xieraq.

Seħħew ħafna affarijiet matul is-sena li għaddiet. Il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed taħdem fuq regoli tekniċi dettaljati meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-TPD. Dawn jinkludu l-metodi li jiddeterminaw togħmiet qawwija fil-prodotti tat-tabakk, twissijiet ġodda fuq il-pakketti u regoli tas-saħħa għar-refills tas-sigaretti elettroniċi. Dawn ir-regoli għandhom jidħlu fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ traspożizzjoni f'Mejju 2016. Ħafna ħidma tinsab għaddejja wkoll fl-Istati Membri biex tiżgura traspożizzjoni f’waqtha tad-Direttiva.

Sadanittant, id-Direttiva diġà ġiet sfidata fil-qorti kemm mill-industrija tat-tabakk u s-sigaretti elettroniċi kif ukoll minn Stat Membru wieħed. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qed jaħdmu flimkien, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, biex jiżguraw li r-regoli miftiehma mill-koleġiżlaturi jiġu miżmuma fil-Qorti u li l-benefiċċji għas-suq intern u għas-saħħa pubblika tad-Direttiva l-ġdida ma jintilfux.

Huwa inkoraġġanti l-fatt li, xi Stati Membri (Franza, l-Irlanda u r-Renju Unit) indikaw l-intenzjoni tagħhom li jmorru lil hinn u jintroduċu imballaġġtotalment standardizzat. Bħall-Awstralja qabilhom, dawn il-pajjiżi huma impenjati li jiżguraw li l-kumpaniji tat-tabakk ma għandhomx jużaw imballaġġ li jħajjar liż-żgħażagħ jużaw il-prodotti tagħhom. Huma minn ta’ quddiem fil-protezzjoni ta’ ċittadini żgħażagħ mill-effetti ħżiena tat-tipjip. Il-prevalenza tat-tipjip naqset fl-UE matul dawn l-aħħar snin. It-TPD se ssaħħaħ din it-tendenza u ssarraf ukoll li inqas żgħażagħ jitħajru jibdew.

Tobacco

Aktar dwar din it-tema