Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

Minn Paola Testori Coggi, Direttur Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi, il-Kummissjoni Ewropea

Minn Paola Testori Coggi, Direttur Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi, il-Kummissjoni Ewropea

Iċ-ċittadini Ewropej, irrispettivament minn fejn jgħixu, għandhom id-dritt li jagħżlu fejn jirċievu trattamemt mediku madwar l-UE, u li jiġu rimborżati.  Dan id-dritt issa hu stipulat fid- Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa bejn il-Fruntieri pdfli daħlet fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi fil-25 ta' Ottubru 2013.

Skont il-liġijiet attwali tal-UE, iċ-ċittadini jgawdu mill-iskema nazzjonali tas-sigurtà soċjali ta' pajjiżhom stess jekk jimirdu waqt li jivvjaġġaw fi Stat Membru ieħor. Madankollu, għall-kura ppjanata bejn pajjiżi differenti, Stat Membru jista’ jitlob li l-pazjenti l-ewwel japplikaw għal awtorizzazzjoni minn qabel u l-Istat Membru hu obbligat li jagħti l-awtorizzazzjoni biss jekk il-pazjenti ma jistgħux jiġu trattati f'pajjiżhom f’limitu ta’ żmien meqjus medikament ġustifikat.

Id-Direttiva l-ġdida tintroduċi tliet bidliet kbar li jiffukaw fuq id-drittijiet tal-pazjenti:

L-ewwel nett, iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jagħżlu u li jitħallsu lura għat-trattament, għal kura tas-saħħa pubblika jew privata, kullimkien fl-UE.

It-tieni, l-awtorizzazzjonijiet minn qabel għall-kura tas-saħħa bejn pajjiżi differenti se ssir l-eċċezzjoni aktar milli r-regola.

Fl-aħħar nett, iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-għażliet tat-trattament. Għalhekk, huma intitolati jirċievu kwalunkwe informazzjoni rilevanti minn punti ta’ kuntatt nazzjonali, stabbiliti skont id-Direttiva l-ġdida, u informazzjoni direttament mill-fornituri tal-kura tas-saħħa. 

Sabiex tiżdied it-trasparenza dwar l-istandards tal-kwalità u tas-sikurezza madwar l-UE, id-Direttiva hi favur l-għajnuna u l-kooperazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri b’mod partikolari dwar l-interoperabilità ta’ għodod tas-Saħħa-e u l-użu tal-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa. Tiffaċilita wkoll ir-rikonoxximent tar-riċetti mediċi għall-mediċini f’kull Stat Membru.

Eventwalment, id-Direttiva se tipprovdi għall-iżvilupp ta’ netwerks ta’ referenza Ewropej, li jinkoraġġixxu l-ġbir tal-għarfien u jimmassimizzaw l-użu kosteffettiv tar-riżorsi f’kura tas-saħħa speċjalizzata ħafna, bħad-djanjosi u l-kura tal-mard rari.

Il-liġi l-ġdida hi tabilħaqq pass 'il quddiem għaċ-ċittadini Ewropej: mhux biss se jkollhom aktar kontroll fuq il-kura tas-saħħa tagħhom, iżda se tgħin ukoll lill-assoċjazzjonijiet tal-pazjenti biex jippromwovu kura tas-saħħa ta' kwalità ogħla u aktar sikura. Dan jista’ biss ikollu effett pożittiv fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħna.

Il-kura tas-Saħħa Bejn il-Fruntieri

Aktar dwar din it-tema