Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Liema regoli japplikaw għalik?

Meta tivvjaġġa fi ħdan l-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja jew l-Iżvizzera, dejjem se tapplika l-leġiżlazzjoni ta' pajjiż wieħed biss. L-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jevalwaw taħt liema leġiżlazzjoni ta' liema pajjiż int kopert skont ir-regoli tal-UE. 
Uża d-direttorju tagħna biex issib istituzzjoni ta’ kuntatt

Taħdem f'pajjiż wieħed

Bħala regola ġenerali, int suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn taħdem bħala impjegat jew persuna li taħdem għal rasha. Ma jimpurtax fejn tgħix jew fejn hu bbażat min jimpjegak. 

Taħdem f'pajjiż iżda tgħix f'ieħor

Jekk taħdem f'pajjiż tal-UE differenti minn dak fejn tgħix u tmur lura fil-pajjiż tar-residenza tiegħek kuljum, jew tal-anqas darba fil-ġimgħa, int ħaddiem transkonfinali ("ħaddiem bejn il-fruntieri"). Il-pajjiż fejn taħdem hu responsabbli għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tiegħek. Japplikaw regoli speċjali għall-kura tas-saħħa u għall-qgħad. Sib aktar tagħrif fil-mistoqsijiet frekwenti.

Int ħaddiem stazzjonat f'pajjiż ieħor

Jekk tintbagħat minn min iħaddmek (jew minnek stess, jekk taħdem għal rasek) biex taħdem f'pajjiż ieħor għal massimu ta' 24 xahar, tibqa' assigurat fil-pajjiż ta' oriġini tiegħek. Dan hu l-każ tal-"ħaddiema stazzjonati" li għalihom japplikaw kundizzjonijiet speċifiċi. Sib aktar tagħrif fil-mistoqsijiet frekwenti tagħna.

Taħdem f'iktar minn pajjiż wieħed

  • Jekk twettaq parti sostanzjali tal-attività tiegħek, jiġifieri tal-anqas 25%, fil-pajjiż tar-residenza tiegħek, int tkun kopert mil-leġiżlazzjoni ta' dak il-pajjiż.
  • Jekk parti sostanzjali tal-attività tiegħek ma ssirx fil-pajjiż tar-residenzatiegħek, tkun kopert mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat jew il-post tan-negozju ta' min iħaddmek.
  • Jekk taħdem għal diversi persuni, li għandhom l-uffiċċji rreġistrati tagħhom f'pajjiżi differenti, tkun kopert mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż tar-residenza tiegħek; anke jekk parti sostanzjali tal-attività tiegħek ma ssirx hemm.
  • Jekk taħdem għal rasek u parti sostanzjali tal-attività tiegħek ma ssirx fil-pajjiż tar-residenza tiegħek, tkun kopert mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn jinsab iċ-ċentru ta' interess tal-attivitajiet tiegħek.
  • Jekk għandek impjieg u fl-istess ħin taħdem għal rasek f'pajjiżi differenti, tkun assigurat fil-pajjiż fejn tkun impjegat.
    Uża d-direttorju tagħna biex issib istituzzjoni ta’ kuntatt

Ma taħdimx

Jekk ma taħdimx, ir-regoli tal-UE xorta japplikaw għalik. Sib aktar tagħrif fil-mistoqsijiet frekwenti.

Ir-Renju Unit

Ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali m'għadhomx japplikaw għar-Renju Unit u fih mill-1 ta’ Jannar 2021. Madankollu, id-drittijiet tal-persuni koperti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ konkluż bejn l-UE u r-Renju Unit jibqgħu jiġu protetti.

Għal persuni mhux koperti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali bejn l-UE u r-Renju Unit hija rregolata mill-Protokoll rilevanti għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Filwaqt li huwa simili għar-regoli tal-UE u komprensiv fil-kamp ta’ applikazzjoni, il-Protokoll ma jipprovdix livell identiku ta’ protezzjoni bħar-Regolamenti tal-UE.

Aktar informazzjoni

Iċċekkja l-mistoqsijiet frekwenti tagħna għal aktar tagħrif.

Ixxerja din il-paġna