Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

Minn Tonio Borg, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa

Minn Tonio Borg, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa

Is-saħħa hi għal kulħadd. Kulħadd għandu jkollu aċċess għal kura tas-saħħa ta' kwalità tajba, irrispettivament mis-sess, l-età, ir-razza, l-orjentazzjoni sesswali, it-tip ta' kundizzjoni, l-istatus soċjali, l-edukazzjoni, jew il-pajjiż ta' residenza. Biex dan isir realtà, jeħtiġilna niġġieldu kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam tas-saħħa.

Is-sena l-oħra impenjajt ruħi quddiem il-Parlament Ewropew li niġġieled kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam tas-saħħa fil-forom kollha tagħha.

Minn dakinhar, impenjajt ruħi biex nisma' l-vuċi ta' kull min iħabbat wiċċu ma' diskriminazzjoni, jisfa vittma ta' stigma, għandu diffikultajiet biex jikseb il-kura tas-saħħa li jeħtieġ minħabba l-kundizzjoni, l-għażliet jew l-oriġini tiegħu. Iltqajt ma' dawk li ġew għandi - nies bl-HIV/AIDS, nies minn minoritajiet etniċi - għaliex ma kinux trattati bl-istess mod bħall-oħrajn. L-ugwaljanza ma tfissirx li jinħolqu drittijiet ġodda għal gruppi speċjali ta' popolazzjonijiet; l-ugwaljanza tfisser li ħadd ma għandu jiċċaħħad minn ebda dritt, apposta jew minħabba negliġenza ta' ħtiġijiethom.

Irridu nilħqu lil kull min jiffaċċja d-diskriminazzjoni u nsibu soluzzjonijiet. Hu għalhekk li stedint firxa wiesgħa ta' partijiet interessati biex jattendu l-konferenza Gastein fil-bidu ta' Ottubru u għal darb'oħra fi Brussell f'Marzu tas-sena d-dieħla, biex niddiskutu x'jeħtieġ nagħmlu biex niżguraw li kulħadd ikollu l-istess aċċess għas-servizzi tas-saħħa. Hu importanti li dawn il-konferenzi jrawwmu dibattitu reali dwar azzjoni li tappoġġa l-Istati Membri jtejbu l-aċċess għal kura tas-saħħa u preventiva ta' kwalità għal kulħadd u jeliminaw il-forom kollha ta' diskriminazzjoni.

L-UE tippromwovi u tipproteġi attivament id-drittijiet fundamentali tal-bniedem tan-nies kollha li jgħixu fl-UE permezz ta' diversi programmi u attivitajiet. Dan isegwi l-indikazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona u l-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-UE, li jipprojbixxu kull tip ta' diskriminazzjoni, abbażi tas-sess, l-età, id-diżabilità, ir-reliġjon jew it-twemmin, ir-razza jew l-oriġini etnika, u l-orjentazzjoni sesswali.

Filwaqt li l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa fl-UE naqsu sew f'dawn l-aħħar snin - kif juri r-rapport reċenti dwar l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħapdf - l-impenn tagħna għandu jkun assolut biex jiġu indirizzati l-lakuni fil-qasam tas-saħħa bejn gruppi soċjali u bejn reġjuni u Stati Membri u jiġu eliminati l-ostakli għall-aċċess għall-kura tas-saħħa għall-gruppi vulnerabbli.

L-azzjoni biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-saħħa u jiġu miġġielda l-forom kollha ta' diskriminazzjoni fl-Ewropa għandha tibqa' prijorità jekk l-Ewropa trid li jirnexxilha tikseb koeżjoni soċjali.