Il-moviment ħieles tal-ħaddiema huwa prinċipju fundamentali tat-Trattat minqux fl-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u żviluppat mill-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE u mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja. Iċ-ċittadini tal-UE huma intitolati:
- biex ifittxu xogħol f’pajjiż ieħor tal-UE
- jaħdmu hemm mingħajr il-ħtieġa għall-permess tax-xogħol
- jgħixu hemmhekk għal dik ir-raġuni
- joqogħdu hemm anki wara li jintemm l-impjieg
- igawdu trattament indaqs bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż għall-aċċess għall-impjieg, il-kundizzjonijiet ta' xogħol u l-vantaġġi l-oħra kollha soċjali u tat-taxxa
Iċ-ċittadini tal-UE jista' wkoll ikollhom ċertu tip ta' kopertura tas-saħħa u sigurtà soċjali trasferita lejn il-pajjiż fejn se jmorru jfittxu xogħol (ara il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali).
Il-moviment ħieles tal-ħaddiema japplika wkoll, f’termini ġenerali, għall-pajjiżi fiż-Żona Ekonomika Ewropea: l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.
Min jaħdem f'ċerti oqsma jista' wkoll jikseb rikonoxximent tal-kwalifiki tiegħu f'pajjiż ieħor (ara r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki profesjonali).
Il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fl-UE tipprovdi regli biex tipproteġi d-drittijiet ta' dawk li jiċċaqalqu fi ħdan l-UE, l-Iżlanda, il-LIechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.
Min jista’ jgawdi minn dan il-moviment ħieles?
- Dawk li qed ifittxu xogħol, jiġifieri ċittadini tal-UE li jmorru f'pajjiż ieħor tal-UE biex ifittxu xogħol, taħt ċerti kundizzjonijiet
- ċittadini tal-UE li jaħdmu f'pajjiż ieħor tal-UE
- ċittadini tal-UE li jmorru lura f'pajjiżhom wara li jkunu ħadmu f'pajjiż ieħor.
- Membri tal-familja ta' dawn iċ-ċittadini.
Id-drittijiet jistgħu jkunu xi ftit differenti għal dawk li jippjanaw li jaħdmu għal rashom, għall-istudenti, għall-irtirati jew mhux attivi ekonomikament. Għal iktar informazzjoni dwar dawn il-gruppi, ara L-Ewropa Tiegħek.
X'restrizzjonijiet hemm?
- Id-drittjiet spjegati f'dan is-sit japplikaw għal dawk li jużaw id-dritt tal-moviment ħieles tagħhom għal raġunijiet ta' xogħol.
- Hemm limitazzjonijiet fuq konsiderazzjonijiet ta' sigurtà pubblika, politika pubblika, raġunijiet ta' saħħa pubblika u impjieg fis-settur pubbliku.