breadcrumb.ecName

Il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet tenfasizza l-Politika ta' Koeżjoni u r-rwol tagħha fl-appoġġ lir-reġjuni li jiffaċċjaw l-effetti tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna

  • 09 October 2023
Il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet tenfasizza l-Politika ta' Koeżjoni u r-rwol tagħha fl-appoġġ lir-reġjuni li jiffaċċjaw l-effetti tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna

Illum, waqt il-konferenza stampa li ħabbret it-tnedija tal-21 Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet, il-Kummissarju għall-Koeżjoni u -Riformi Elisa Ferreira u l-President tal-Kumitat tar-Reġjuni, Vasco Alves Cordeiro, iltaqgħu flimkien biex jenfasizzaw ir-rwol kruċjali li kellha l-Politika ta' Koeżjoni fil-mitigazzjoni tal-effetti tal-kriżi tal-enerġija u fil-provvediment ta' għajnuna lil dawk li qed jaħarbu l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll lill-persuni u lir-reġjuni li jilqgħuhom.

Bis-saħħa tal-inizjattiva Appoġġ għall-Enerġija Affordabbli (SAFE), l-Istati Membri issa jistgħu jappoġġaw lin-negozji żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli biex jindirizzaw il-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew. Aktar minn EUR 725 miljun ta' fondi tal-Politika ta' Koeżjoni diġà ġew ipprogrammati u pprogrammati mill-ġdid għal dan il-għan. Billi l-pjanijiet fi Stati Membri oħra għadhom qed jimmaterjalizzaw, il-valur totali tal-miżuri SAFE jista' jilħaq sa EUR 4 biljun.

Permezz tal-pakketti tal-Azzjoni ta' Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE, Cohesion's Action for Refugees in Europe) li jammontaw sa EUR 17-il biljun, l-Istati Membri sa issa mmobilizzaw madwar EUR 1.3 biljun għall-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, id-djar, l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-appoġġ mediku, soċjali u psikoloġiku lir-refuġjati. Il-flessibbiltajiet offruti minn CARE se jkomplu fil-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027, inklużi pagamenti bil-quddiem ta' 5 % għal likwidità ogħla, u kofinanzjament tal-UE ta' 100% għall-adozzjoni ta' miżuri, li se jiffaċilita l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi sat-30 ta' Ġunju 2024. Minimu ta' 30 % tal-infiq li jibbenefika minn dawn il-miżuri għandu jiġi allokat għal operazzjonijiet żviluppati mill-awtoritajiet lokali u mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Eżempji ta' solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

  • Fil-Polonja, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Azzjoni ta' Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) appoġġaw il-ħolqien ta' 10 unitajiet ta' akkomodazzjoni separati fil-belt ta' Zamość qrib il-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ukrajna. Kien hemm bini li ġie adattat biex jipprovdi soluzzjonijiet ta' akkomodazzjoni xierqa għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna (b'mod partikolari n-nisa bit-tfal) wara l-aggressjoni Russa.
  • Fil-Ġermanja, EUR 15-il miljun mill-FEŻR u mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) intużaw għal programmi ta' appoġġ għar-refuġjati fis-Sassonja t'Isfel. Il-proġett CARE sponsorja korsijiet tal-lingwa Ġermaniża għar-refuġjati, li għenu fl-integrazzjoni soċjali u ħejjew lill-parteċipanti għal opportunitajiet ta' taħriġ, studji u xogħol.

Eżempji ta' appoġġ tal-UE kontra l-prezzijiet għoljin tal-enerġija għall-SMEs u għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli

  • Is-Slovakkja diġà użat finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni ta' aktar minn EUR650 miljun biex iżżid l-iskema nazzjonali tagħha ta' appoġġ li tappoġġa lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli biex iħallsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom. L-aspetti tal-iskema jikkumpensaw għaż-żieda fil-prezzijiet tal-gass domestiku u fil-kostijiet tat-tisħin u jinkludu kumpens speċifiku għall-prezzijiet tal-enerġija għall-klijenti żgħar tal-elettriku u tal-gass.
  • Il-Bulgarija diġà allokat EUR 24.3 miljun ta' riżorsi tal-Politika ta' Koeżjoni għal miżuri SAFE biex jappoġġaw unitajiet domestiċi vulnerabbli.
  • Ir-Rumanija ċaqalqet fondi mill-FSE ta' aktar minn EUR50 miljun biex tappoġġa lill-unitajiet domestiċi fil-ħlas tal-kontijiet tal-enerġija tagħhom.

Iċ-ċittadini jaħsbu wkoll li l-proġetti ffinanzjati mill-UE għandhom impatt pożittiv!

Ir-riżultati tal-istħarriġ il-ġdid tal-Ewrobarometru, li l-Kummissjoni ppubblikat illum juru li 39% ta' dawk li wieġbu għandhom għarfien kumplessiv tal-proġetti ffinanzjati mill-UE, żieda ta' ħames punti perċentwali apparagun ta' 12-il sena ilu. Minn dawk li huma konxji tal-proġetti ffinanzjati mill-UE, 79% jaħsbu li dawn għandhom effett pożittiv fuq ir-reġjuni.

Sfond

Il-Politika ta' Koeżjoni hija l-politika ta' investiment ewlenija tal-UE li tirrappreżenta madwar terz tal-baġit tal-UE (il-Qafas Finanzjarju Pluriennali). L-objettiv tal-Politika huwa li jitnaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali fl-UE.

Matul il-pandemija tal-COVID, l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII) ippermettiet lill-Istati Membri jidderieġu mill-ġdid il-fondi mhux minfuqa tal-2014-2020 għall-ispejjeż ta' emerġenza, fosthom skemi ta' xogħol temporanju, tagħmir diġitali għal klassijiet online, maskri u tagħmir protettiv ieħor, ventilaturi, u saħansitra vaċċini. Bis-saħħa ta' dawn il-miżuri, ġew ipprogrammati aktar minn EUR 24 biljun.

Il-pakketti CARE b'valur sa EUR 17-il biljun għenu lill-pajjiżi u lir-reġjuni jtaffu l-piż fuq il-baġits nazzjonali billi jipprogrammaw u jipprogrammaw mill-ġdid fondi ta' Politika ta' Koeżjoni mill-perjodu ta' programmar 2014-2020 biex jappoġġaw lir-refuġjati, u lin-nies u lir-reġjuni li jilqgħuhom. Il-flessibbiltajiet offruti minn CARE se jkomplu fil-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027, inklużi pagamenti bil-quddiem ta' 5 % għal likwidità ogħla, u kofinanzjament tal-UE ta' 100% għall-adozzjoni ta' miżuri, li se jiffaċilita l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi sat-30 ta' Ġunju 2024. Minimu ta' 30 % tal-infiq li jibbenefika minn dawn il-miżuri jrid jiġi allokat għal operazzjonijiet żviluppati mill-awtoritajiet lokali u mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

L-inizjattiva SAFE tippermetti r-ridirezzjoni ulterjuri ta' fondi mhux minfuqa biex jiġu appoġġati l-SMEs u l-unitajiet domestiċi vulnerabbli, b'mod partikolari dawk affettwati minn prezzijiet għoljin tal-enerġija u biex jiġu ffinanzjati skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar biex in-nies jinżammu f'impjieg. L-Istati Membri jistgħu jużaw sa 10% tal-allokazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni tagħhom biex jiffaċċjaw iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija.

Mid-9 sat-12 ta' Ottubru, Brussell se jospita l-21 Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet. Aktar minn 7,000 parteċipant se jattendu l-avveniment fuq il-post, li se jospita aktar minn 300 sessjoni u se jinkludi aktar minn 1,000 kelliem minn madwar l-UE u lil hinn minnha. Is-suġġetti tal-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni se jkunu dawk tat-tneħħija tal-ostakli għall-kooperazzjoni transfruntiera, il-bidliet enerġetiċi lokali għas-sigurtà u s-sostenibbiltà, il-promozzjoni tal-innovazzjoni soċjali, ir-reġjuni fi tranżizzjoni postindustrijali, iż-żamma tat-talenti għat-tkabbir reġjonali, u ċ-ċentri urbani żgħar u ta' daqs medju li jixprunaw it-tkabbir.

Wara l-adattament rapidu u bla preċedent tar-regoli ta’ finanzjament biextappoġġa l-Istati Membri u r-reġjuni matul il-pandemija tal-COVID, il-Politika ta’ Koeżjoni għal darb’oħra kienet fuq quddiem nett fir-rispons tal-Ewropa għall-kriżijiet reċenti. Il-Politika mhux biss kienet qed tappoġġa mill-ewwel jum lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna, iżda kienet qed tgħin ukoll lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli u lill-SMEs iħallsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom bl-inizjattiva SAFE tagħna. Din hija espressjoni ċara tas-solidarjetà li tinsab fil-qalba tal-Politika ta’ Koeżjoni, u turija konkreta tal-impenn tagħha li ma tħallu lil ħadd, u lill-ebda reġjun, jibqa’ lura.

Elisa Ferreira, il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi - 09/10/2023

Mill-konsegwenzi tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna sad-diżastri klimatiċi li qed jiżdiedu, mill-kriżi tal-enerġija sal-inugwaljanzi soċjali, ir-rappreżentanti lokali u reġjonali kienu maniġers tal-kriżijiet. Kif juri r-Rapport tagħna dwar l-Istat tar-Reġjuni u l-Bliet, huwa kruċjali li jiġu evitati disparitajiet emerġenti ġodda fid-dawl tat-trasformazzjonijiet strutturali, u li nħejju għall-futur. Politika ta’ Koeżjoni msaħħa hija meħtieġa biex jingħalaq id-distakk territorjali, jiġu ġestiti t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi fuq il-post, u jiġu appoġġati n-nies f’kull rokna tal-Ewropa.

Vasco Alves Cordeiro, President of the European Committee of the Regions - 09/10/2023

Aktar informazzjoni