1. TERMINI U KUNDIZZJONIJIET

Dan id-dokument jistabbilixxi t-Termini u l-Kundizzjonijiet li soġġetti għalihom entitajiet ġuridiċi li huma promoturi ta’ proġetti, investituri jew utenti reġistrati oħra tas-sit web (b’mod konġunt magħrufa bħala l-"Utenti Reġistrati") jistgħu jaċċessaw u jużaw, kif ukoll jikkontribwixxu, għas-sit web tal-Portal InvestEU (il-Portal). Qabel ma jużaw il-Portal, l-Utenti Reġistrati għandhom jindikaw li jkunu qraw u aċċettaw dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet (inkluża l-Istqarrija ta’ Privatezza tal-Portal; ara l-punt 9 hawn taħt) u li jaqblu li jimxu magħhom. L-użu tal-Portal hu soġġett għall-kundizzjoni li l-Utenti Reġistrati b’mod espliċitu jaqblu ma’ dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet. Il-Punti 5 sa 7 tat-Termini u l-Kundizzjonijiet japplikaw biss għal Utenti Reġistrati li jissottomettu materjal jew informazzjoni għal pubblikazzjoni fil-Portal.

2. KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-PORTAL INVESTEU

Il-Portal InvestEU nħoloq mill-Kummissjoni Ewropea (il-“Maniġer tas-Sit”) abbażi tar-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107/30, 26.3.2021). Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/626 tal-4 ta’ April 2021 [ĠU L 131, 16.4.2016, p. 183–186], tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-Portal bħala bażi tad-data trasparenti ta’ proġetti ta’ investiment attwali u potenzjali fl-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 26 tar-Regolament jipprovdi li l-proġetti murija fil-Portal InvestEU għandhom ikunu għall-iskop ta’ viżibbiltà għall-investituri u għal finijiet ta’ informazzjoni u l-inklużjoni ta’ proġetti fil-Portal għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet dwar il-proġetti finali magħżula għas-sostenn taħt dan ir-Regolament, taħt kwalunkwe strument ieħor tal-Unjoni, jew għall-finanzjament pubbliku.

L-Utent Reġistrat jirrikonoxxi li l-pubblikazzjoni ta’ proġetti fil-Portal ma timplikax li dan se jsir proġett li jirċievi finanzjament pubbliku (kemm mingħand il-Maniġer tas-Sit jew minn kwalunkwe sors ieħor) fil-futur u li sabiex japplika għal kwalunkwe finanzjament pubbliku jeħtieġlu jsegwi proċeduri distinti rilevanti għal dak l-għan.

Il-proġetti kollha ppreżentati lill-Maniġer tas-Sit għal pubblikazzjoni iridu jirrispettaw il-kriterji ta’ ammissjoni stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni.

3. REĠISTRAZZJONI U KREDENZJALI

Is-sottomissjoni ta’ kontributi fil-Portal InvestEU u l-użu tas-servizzi ta’ twissija tiegħu hu permess lill-Utenti Reġistrati wara proċess ta’ awtoreġistrazzjoni li jeħtieġlu s-sottomissjoni ta’ informazzjoni dwar l-identità u l-kuntatti ta’ Utent Reġistrat bħala entità ġuridika. Il-Maniġer tas-Sit mhux se jkun responsabbli jekk għal kwalunkwe raġuni l-Portal ma jkunx disponibbli fi kwalunkwe ħin jew għal kwalunkwe perjodu.

Minn żmien għal żmien, il-Maniġer tas-Sit jista’ jillimita l-aċċess għal uħud mill-partijiet tal-Portal, jew għall-Portal sħiħ, mingħajr avviż jew ġustifikazzjoni minn qabel.

Kwalunkwe avviż jew notifika li għandha tingħata mill-Maniġer tas-Sit lill-Utenti Reġistrati skont jew b’konnessjoni ma’ dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet għandha titqies li kienet riċevuta meta indirizzata lilhom fl-indirizz tal-email ipprovdut waqt ir-reġistrazzjoni. L-Utenti Reġistrati għandhom jieħdu l-passi adatti biex jagħmlu possibbli t-twassil tal-emails li jkunu deħlin f’dan l-indirizz u biex jiżguraw li dan ikun aċċessibbli biss lill-persuni awtorizzati. Għalhekk kwalunkwe avviż jew notifika mogħtija mill-Utenti Reġistrati lill-Maniġer tas-Sit permezz ta’ dan l-indirizz tal-email titqies li hi mogħtija minn Utenti Reġistrati li ma jistgħux isostnu l-kuntrarju. L-Utenti Reġistrati jistgħu jikkuntattjaw lill-Maniġer tas-Sit għal kwalunkwe informazzjoni, mistoqsija jew talba billi jużaw formola online fis-sit web , jew jekk din il-formola ma tkunx disponibbli fuq l-email .

L-Utenti Reġistrati jeħtiġilhom jieħdu miżuri ta’ sigurtà adatti biex jimpedixxu l-iżvelar mhux awtorizzat tal-isem tal-utent u l-password u għandhom jinnotifikaw lill-Maniġer tas-Sit immedjatament jekk il-password tagħhom ikun jafha kwalunkwe utent mhux awtorizzat. Il-Maniġer tas-Sit għandu d-dritt li jiddiżattiva kwalunkwe kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-utent jew password fi kwalunkwe ħin, jekk fl-opinjoni tiegħu Utent Reġistrat naqas milli jikkonforma ma’ kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet. L-Utenti Reġistrati jistgħu jinżammu responsabbli għall-iżvelar intenzjonat jew negliġenti tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni jew tal-password lil parti terza bi ksur ta’ dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet jew għal kwalunkwe ksur tagħhom minn parti terza, li mhux se teħles lill-Utenti Reġistrati minn obbligi skont dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet. L-Utenti Reġistrati huma responsabbli li jiżguraw li l-persuni kollha li jaċċessaw il-Portal permezz tal-konnessjoni tal-internet tagħhom huma konxji minn dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet, u li huma jikkonformaw magħhom.

4. RINUNZJA TA’ RESPONSABBILTÀ

L-informazzjoni disponibbli permezz tal-Portal hi pprovduta mingħajr ebda garanzija, kundizzjoni jew mandat rigward l-eżattezza tagħha. Il-Maniġer tas-Sit għandu jippubblika biss l-informazzjoni sottomessa lilu mill-Utenti Reġistrati, bil-kundizzjoni li l-informazzjoni, fid-diskrezzjoni unika tal-Maniġer tas-Sit, tissodisfa l-istandards tal-kontenut stabbilit fit-Taqsima 5 hawn taħt, u ma għandu ebda responsabbiltà ulterjuri lejn l-Utenti Reġistrati. Għalhekk, il-Maniġer tas-Sit jirrinunzja r-responsabbiltà kollha li tirriżulta minn dipendenza abbażi ta’ informazzjoni ta’ din ix-xorta mill-Utenti Reġistrati, jew minn kwalunkwe persuna li tista’ tkun infurmata bi kwalunkwe mill-kontenut tagħha.

Il-Maniġer tas-Sit hawnhekk jeskludi espressament kull responsabbiltà għal kwalunkwe telf jew ħsara diretta jew indiretta mġarrba minn kwalunkwe utent b’konnessjoni mal-Portal jew b’konnessjoni mal-użu, l-inabbiltà ta’ użu, jew ir-riżultat tal-użu tal-Portal, kwalunkwe sit web illinkjat miegħu u kwalunkwe materjal ippowstjat fih, inkluża, mingħajr limitazzjoni, kwalunkwe responsabbiltà għal:

  • telf ta’ introjtu jew dħul (inkluż tfaddil antiċipat);
  • telf ta’ negozju;
  • telf ta’ profitti jew kuntratti;
  • telf ta’ dejta;
  • telf ta’ avvjament;
  • kwalunkwe telf jew ħsara ta’ kull xorta oħra, b’kull mod li tirriżulta u kemm jekk ikkawżata minn tort (inkluża negliġenza), ksur ta’ kuntratt jew xorta oħra, anke jekk prevedibbli

5. STANDARDS TAL-KONTENUT

Dawn l-istandards tal-kontenut japplikaw għal kwalunkwe materjal jew informazzjoni kollha li l-Utenti Reġistrati jissottomettu fil-Portal ("Informazzjoni Sottomessa") fl-intier tagħha. Hi r-responsabbiltà unika tal-Utenti Reġistrati li jiżguraw li l-Informazzjoni Sottomessa tikkonforma ma’ dawn l-istandards tal-kontenut.

L-Informazzjoni Sottomessa għandha:

  • tkun eżatta (fejn tiddikjara l-fatti), tkun ipprovduta b’bona fede (fejn tiddikjara opinjonijiet) u aġġornata fi kwalunkwe ħin;
  • tkun sottomessa minn persuna intitolata li tagħmel dan f’isem u għan-nom ta’ Utent Reġistrat;
  • sal-punt li hi relatata mal-inklużjoni ta’ proġetti fil-Portal InvestEU, tikkonċerna proġetti li jikkonformaw mal-kriterji ta’ ammissjoni li ġejjin stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni:- il-proġett irid ikollu daqs minimu ta’ €500,000 f’termini ta’ investimenti meħtieġa;- il-proġett irid ikun kopert mill-oqsma eliġibbli għal operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment kif stabbilit fl-Anness II tar-Regolament;- il-promotur ma jridx jiġi eskluż minn kuntratti ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni jew issanzjonat għal kondotta professjonali ħażina serja, attivitajiet kriminali, jew nuqqasijiet sinifikanti fil-konformità mal-obbligi tiegħu skont ir-Regolament 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 193, 30.7.2018);- il-proġett ma jridx jikkostitwixxi attivitajiet esklużi kif stabbilit fil-punt B tal-Anness V tar-Regolament;- il-proġett irid ikun jinsab fl-Unjoni, jew f’pajjiż jew territorju ekstra-Ewropew marbut ma’ Stat Membru kif stabbilit fl-Anness II tat-TFUE;- il-proġett ma jridx jinvolvi riskji għar-reputazzjoni tal-Kummissjoni;- l-implimentazzjoni tal-proġett trid tkun inbdiet jew trid tkun mistennija li tibda fi żmien tliet snin mid-data tas-sottomissjoni fil-Portal InvestEU;- il-proġett irid ikun deskritt b’mod ċar fl-applikazzjoni tal-proġett bħala proġett ta’ investiment u l-informazzjoni pprovduta fiha trid tkun preċiża u trid tispeċifika l-ammont ta’ finanzjament meħtieġ għat-twettiq tal-proġett; u - il-proġett irid jikkonforma mal-liġi u l-politiki tal-Unjoni.
  • tikkonforma mal-liġijiet applikabbli.

L-Informazzjoni Sottomessa ma għandhiex:

  • Ikollha materjal li hu defamatorju, ta’ theddid, offensiv, ta’ mibegħda, inflammatorju jew li jinvadi l-privatezza ta’ ħaddieħor;
  • tippromwovi d-diskriminazzjoni jew kwalunkwe attività illegali;
  • tikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ kwalunkwe persuna, inklużi, iżda mhux limitati għad-drittijiet tal-awtur, id-dritt tal-bażi tad-dejta jew il-marka kummerċjali;
  • tkun magħmula bi ksur ta’ kwalunkwe dmir legali dovut lil parti terza, bħal dmir kuntrattwali jew dmir ta’ kunfidenza;
  • tikkonċerna proġetti li jinkludu l-attivitajiet li ġejjin: ammunizzjon u armi, tagħmir militari/tal-pulizija jew infrastruttura (inklużi splużivi u armi għall-isport); kummerċ tas-sess u infrastruttura, servizzi u midja relattivi; logħob tal-azzard u tagħmir relatat, lukandi b’każinos interni; tabakk (produzzjoni, manifattura, ipproċessar u distribuzzjoni);
  • tintuża biex tippersonifika kwalunkwe persuna, jew biex tirrappreżenta ħażin l-identità ta’ Utent Reġistrat jew l-affiljazzjoni ma’ kwalunkwe persuna;
  • tagħti l-impressjoni li ġejja mill-Maniġer tas-Sit, jekk dan mhux il-każ.

6. PUBBLIKAZZJONI, TIBDIL U TNEĦĦIJA TA’ INFORMAZZJONI SOTTOMESSA

Il-Maniġer tas-Sit għandu d-drittijiet kollha li jippubblika Informazzjoni Sottomessa (sakemm ma tkunx sottomessa lill-oqsma tal-formola mmarkati bħala “mhux pubblikati”/“ma għandhomx jiġi ppubblikati”) jew sabiex jiċħad il-pubblikazzjoni ta’ Informazzjoni Sottomessa, b’mod sħiħ jew parzjalment, fid-diskrezzjoni sħiħa tiegħu. Sa fejn l-Informazzjoni Sottomessa jew parti minnha hija protetta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ Utent Reġistrat, lUtent Reġistrat qiegħed jagħti liċenzja b’xejn lill-Maniġer tas-Sit għal pubblikazzjoni bħal din. Il-Maniġer tas-Sit jista’ jirrifjuta l-pubblikazzjoni tal-Informazzjoni Sottomessa għal raġunijiet legali, reputazzjonali jew oħrajn u l-Utenti Reġistrati mhumiex intitolati li jitolbu kwalunkwe ġustifikazzjoni speċifika jew personalizzata.

Il-Maniġer tas-Sit jista’ jibdel it-tfassil u l-parametri tekniċi tal-Portal fi kwalunkwe ħin. Jekk jinqala l-bżonn, il-Maniġer tas-Sit jista’ jissospendi l-aċċess għall-Portal, jew jagħlqu b’mod indefinit. Kwalunkwe materjal fil-Portal jista’ jkun skadut fi kwalunkwe ħin, u l-Maniġer tas-Sit mhu taħt ebda obbligu li jaġġorna materjal ta’ din ix-xorta.

7. TARIFFA TAL-IPPROĊESSAR

L-ebda tariffa tal-ipproċessar mhi attwalment mitluba.

8. SOSPENSJONI U TERMINAZZJONI

In-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet jista’ jirriżulta fl-irtirar immedjat, temporanju jew permanenti tad-dritt tal-użu tal-Portal jew it-tneħħija immedjata, temporanja jew permanenti ta’ kwalunkwe ppowstjar jew materjal applowdjat minn Utent Reġistrat fil-Portal.

F’każ li kwalunkwe persuna terza tiddikkjara li l-Informazzjoni Sottomessa ġiet sottomessa bi ksur tal-istandards tal-kontenut, il-Maniġer tas-Sit jista’, qabel ma jieħu kwalunkwe azzjoni deskritta hawn fuq, jistaqsi lill-Utent Reġistrat rilevanti għal kjarifika fi perjodu ta’ żmien definit.

Il-Maniġer tas-Sit jeskludi r-responsabbiltà għal azzjonijiet meħudin b’rispons għal ksur ta’ dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet. It-tweġibiet deskritti f’dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet mhumiex eżawrjenti, u l-Maniġer tas-Sit jista’ jieħu kwalunkwe azzjoni xierqa oħra, inkluż l-iżvelar ta’ tali informazzjoni lil awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew proċeduri legali kontra Utent Irreġistrat.

9. PROTEZZJONI TAL-INFORMAZZJONI SOTTOMESSA U TAD-DATA PERSONALI

L-għan uniku tal-ġbir ta’ kwalunkwe informazzjoni minn Utenti Reġistrati hu li jużawha b’konnessjoni mal-Portal (inkluż materjali promozzjonali marbuta mal-Portal). L-informazzjoni kollha pprovduta mill-Utenti Reġistrati hi aċċessibbli għalihom u huma intitolati li jħassruha fi kwalunkwe ħin – fil-każ li l-Portal mhux disponibbli (Taqsima 3 hawn fuq), l-Utenti Reġistrati jistgħu jitolbu lill-Maniġer tas-Sit permezz ta’ email biex iħassar informazzjoni dwarhom u l-Maniġer tas-Sit se jsegwi t-talba tagħhom mingħajr dewmien bla bżonn. Il-Maniġer tas-Sit iżomm informazzjoni dwar l-Utenti Reġistrati li huma ssottomettew lill-oqsma tal-formola mmarkati bħala kunfidenzjali "mhux pubblikati"/"ma għandhomx jiġi ppubblikati" u maħżunin b’mod sigur fis-servers proprji tiegħu u ma jiżvelax kwalunkwe informazzjoni ta’ din ix-xorta għal għanijiet kummerċjali. Id-dritt tal-Maniġer tas-Sit li jittrasferixxi kwalunkwe informazzjoni lill-istituzzjonijiet oħra, lill-Bank Ewropew tal-Investiment, lis-sħab tal-implimentazzjoni ta’ InvestEU jew lill-Istati Membri tal-UE, għal għan uniku biex jappoġġjaw u jikkontribwixxu għall-immaniġġjar tal-Portal skont l-Artikolu 26 tar-Regolament, mhuwiex affettwat. Bl-użu tal-Portal, l-Utenti Reġistrati jagħtu l-kunsens tagħhom għal immaniġġjar ta’ din ix-xorta.

Il-Portal jiġbor u jipproċessa biss ammont limitat ħafna ta’ data personali rudimentali ta’ persuni fiżiċi. Din id-data tgawdi l-protezzjoni dovuta b’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli. L-Istqarrija ta’ Privatezza ppubblikata tal-Portal inkorporata skont ir-referenza ma’, u li tagħmel parti minn, dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet tiddeskrivi aktar dettalji relatati mal-protezzjoni tad-data.

10. DISPOŻIZZJONIJIET TEKNIĊI

L-Utenti Reġistrati jistgħu jillinkjaw mal-paġna ewlenija tal-Portal, bil-kundizzjoni li jagħmlu dan b’mod li hu ġust u legali u li ma jagħmilx ħsara lir-reputazzjoni tal-Maniġer tas-Sit jew li jieħu vantaġġ kummerċjali minnu, iżda huma ma għandhomx jistabbilixxu link b’tali mod li jissuġġerixxi kwalunkwe forma ta’ assoċjazzjoni, approvazzjoni jew endorsjar f’isem il-Maniġer tas-Sit.

L-Utenti Reġistrati ma għandhomx jużaw ħażin il-Portal billi konxjament jintroduċu viruses jew materjal ieħor teknoloġikament ta’ ħsara. L-Utenti Reġistrati ma għandhomx jippruvaw jakkwistaw aċċess mhux awtorizzat fil-Portal, is-server li fuqu maħżun il-Portal jew kwalunkwe server, kompjuter jew bażi tad-data konnessa mal-Portal. L-Utenti Reġistrati ma għandhomx jattakkaw il-Portal permezz ta’ attakk b’ċaħda tas-servizz jew b’attakk distribwit b’ċaħda tas-servizz.

Il-Maniġer tas-Sit mhux se jkun responsabbli għal kwalunkwe telf jew ħsara kkawżata minn attakk b’ċaħda tas-servizz, viruses jew materjal ieħor teknoloġikament ta’ ħsara li jista’ jinfetta t-tagħmir tal-kompjuter, il-programmi tal-kompjuter, id-data jew materjal ieħor ta’ proprjetà tal-Utenti Reġistrati minħabba l-użu tagħhom tal-Portal jew l-iddawnlowdjar ta’ kwalunkwe materjal ippowstjat fih, jew fi kwalunkwe sit web illinkjat miegħu.

11. EMENDI

Il-Maniġer tas-Sit jista’ jirrevedi dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet fi kwalunkwe ħin billi jemenda din il-paġna. F’każ bħal dan, se tintbagħat notifika lill-Utenti Reġistrati li huma mistennija li jieħdu nota ta’ kwalunkwe tibdil magħmul, billi dan hu vinkolanti fuqhom. Xi wħud mid-dispożizzjonijiet misjuba f’dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet jistgħu wkoll ikunu sostitwiti b’dispożizzjonijiet jew avviżi ppubblikati xi mkien ieħor fil-Portal.