Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

minn Xavier Prats Monné, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari, il-Kummissjoni Ewropea

minn Xavier Prats Monné, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari, il-Kummissjoni Ewropea

Ir-rapport il-ġdid Health at a Glance: Europe 2016 – li ġie varat fit-23 ta’ Novembru – huwa l-ewwel riżultat tal-ewwel ċiklu ta’ sentejn tal-Istat tas-Saħħa fl-UE; jipprovdi lill-Istati Membri b’informazzjoni affidabbli dwar is-saħħa u analiżi soda minn esperti li jistgħu jgħinuhom jiffurmaw il-politika bbażata fuq l-evidenza. 

Ir-rapport, li jgħin ukoll biex jiġu ddeterminati l-oqsma fejn il-valur miżjud tal-UE jista’ jkun partikolarment sinifikanti, jeżamina l-istatus tas-saħħa u s-sistemi fl-Istati Membri tal-UE u jenfasizza l-ostakoli li jwaqqfuhom milli jkunu effettivi, aċċessibbli u reżiljenti daqs kemm jistgħu jkunu.

Hemm aħbarijiet tajbin u aħbarijiet ħżiena fir-rapport. Pereżempju, hija aħbar tajba li aktar minn miljun mewt madwar l-UE jistgħu jiġu evitati. U din hi wkoll aħbar ħażina - dan ifisser li aktar minn miljun ruħ fl-UE għadhom qed imutu minn mard u korrimenti li jistgħu jiġu evitati. Ir-rapport se jgħinna naraw kif nistgħu nbiddlu din is-sitwazzjoni. Pereżempju, ir-rapport juri li 16% tal-adulti fl-UE huma obeżi u 20% jpejpu – dawn huma fatturi ta’ riskju li jistgħu jiġu effettivament indirizzati. 

Skont is-sejbiet tar-rapport, is-sistemi ta’ saħħa tagħna jbatu wkoll minn xi problemi li jistgħu jiġu evitati. 27% tal-pazjenti fl-UE jmorru direttament fis-sala tal-emerġenza minħabba li ma għandhomx aċċess għall-kura primarja. 15% tal-infiq fuq is-saħħa huwa mħallas direttament minn pazjenti individwali, u l-Ewropej foqra ġeneralment għandhom 10 darbiet aktar ċans li jkollhom problemi biex jakkwistaw livell xieraq ta’ saħħa. U filwaqt li ma tistax tqiegħed prezz fuq is-saħħa, tista’ tgħodd il-valur tal-impatt ekonomiku ta’ problemi ta’ saħħa u sistemi ta’ kura tas-saħħa inadegwati. Kull sena, pereżempju, l-ekonomija tal-UE titlef madwar EUR 115-il biljun fil-produttività minħabba l-imwiet prematuri – u li ta’ spiss jistgħu jiġu evitati – ta’ adulti fl-età tax-xogħol. Dawn huma t-tipi ta’ problemi li ċ-ċiklu tal-Istat tas-Saħħa fl-UE jittama li jidentifika u janalizza aħjar. Il-pass li jmiss huwa li jiġu prodotti profili tas-saħħa tal-pajjiż tat-28 pajjiż kollha tal-UE, li se jiġbru fil-qosor is-sitwazzjoni attwali u jenfasizzaw il-karatteristiċi u l-isfidi partikolari ta’ kull Stat Membru tal-UE. Dawn il-profili se jkunu lesti sa dan iż-żmien is-sena d-dieħla.

Ir-rapport Health at a Glance li hu mħejji mill-OECD b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, kif jissuġġerixxi ismu, hu l-ewwel daqqa t’għajn jew ħarsa ġenerali orizzontali ta’ dejta komparabbli dwar is-saħħa mill-Istati Membri differenti. Iċ-ċiklu ġenerali tal-Istat tas-Saħħa se jipprovdi eżami fil-fond li se jkun ibbażat fuq dan ir-rapport u fuq profili tal-pajjiż dettaljati u individwali għal kull Stat Membru.

Fi tmiem iċ-ċiklu, il-Kummissjoni se tipprovdi dokument analitiku li jakkumpanja l-profili u li jorbot is-sejbiet mal-aġenda usa’ tal-UE. L-Istati Membri mbagħad se jiġu offruti l-iskambju tal-aħjar prattiki li jkunu jistgħu jipparteċipaw fihom fuq bażi volontarja.

Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li dawn il-profili tal-pajjiż huma maħsuba biex jagħtu daqqa t’id, mhux biex jippuntaw subgħajhom. L-għan aħħari huwa ċertament objettiv kondiviż minn kulħadd – biex jgħin liċ-ċittadini tal-UE jkollhom aċċess għall-aħjar kura tas-saħħa, prevenzjoni u promozzjoni tas-saħħa possibbli, irrispettivament minn liema Stat Membru huma jqisu bħala pajjiżhom.

It-tnedija ta’ Health at a Glance: Europe 2016 tikkoinċidi mal-iffirmar ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-OECD; il-kooperazzjoni aktar b’saħħitha tagħna se tgħin biex intejbu l-għarfien tas-sistemi tas-saħħa u l-prestazzjoni tagħhom, biex niżviluppaw miżuri ġodda li jiffukaw fuq in-nies ta’ esperjenza u riżultati, u biex tinbena l-kapaċità għall-analiżi ekonomika tas-saħħa pubblika u tas-sistemi tas-saħħa.

The State of Health in the EU

Aktar dwar din it-tema