Mur fil-path tan-navigazzjoni, billi taqbeż is-site tools u s-selettur tal-lingwa

Il-Fond Ewropew ta’ l-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG)

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jipprovdi appoġġ lin-nies li jitilfu l-impjiegi tagħhom bħala riżultat ta' tibdiliet maġġuri strutturali fil-metodi tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, p.e. meta kumpanija tagħlaq jew il-produzzjoni tiċċaqlaq barra l-UE, jew bħala riżultat tal-ekonomija globali u tal-kriżi finanzjarja.

Il-FEG għandu baġit annwali massimu ta’ EUR 150 miljun għall-perjodu 2014-2020. Jista' jiffinanzja sa 60% tal-ispejjeż ta' proġetti maħsubin biex jgħinu l-ħaddiema li m'hemmx xogħol għalihom sabiex isibu impjieg ieħor jew jiftħu negozju għal rashom.

Bħala regola ġenerali, il-FEG jista' jintuża biss fejn aktar minn 500 ħaddiem ma jkunx hemm xogħol għalihom f'kumpanija waħda (inklużi l-fornituri tagħha u l-produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni), jew jekk għadd kbir ta' ħaddiema jispiċċaw bla xogħol f'settur partikulari f'reġjun jew aktar fi nħawi ġirien.

Il-każijiet tal-FEG huma mmaniġġjati u implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali. Kull proġett idum għaddej għal sentejn.

X'appoġġ jista' jipprovdi l-FEG?

Il-FEG jista' jikkofinanzja proġetti inklużi miżuri bħal:

  • għajnuna biex jinsab impjieg
  • parir dwar il-karrieri
  • edukazzjoni, taħriġ u taħriġ mill-ġdid
  • mentoring u kkowċjar
  • intraprenditorija u ħolqien ta' negozju

Jista' wkoll jipprovdi allowances għat-taħriġ, allowances għall-mobbiltà/għar-rilokazzjoni, allowances ta' sussistenza u appoġġ simili.

Il-FEG ma jikkofinanzjax miżuri ta' protezzjoni soċjali bħall-pensjonijiet jew il-benefiċċju tal-qgħad.

Min jista' jibbenefika?

Ħaddiema individwali li ma jkunx hemm xogħol għalihom jistgħu jibbenefikaw mill-proġetti tal-FEG. Matul il-perjodu 2014-2020 dan jista' jinkludi lil dawk li jaħdmu għar-rashom, il-ħaddiema temporanji u l-ħaddiema b'terminu fiss.

Sal-aħħar tal-2017, iż-żgħażagħ bla xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ (NEETs) f'reġjuni b'qgħad għoli fost iż-żgħażagħ jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ tal-FEG bl-istess għadd ta' ħaddiema li jirċievu appoġġ f'dawk ir-reġjuni.

Il-FEG ma jistax jintuża biex iżomm il-kumpaniji fin-negozju jew biex jgħinhom jimmodernizzaw jew jirristrutturizzaw.

Ir-Regolament tal-FEG għall-2014-2020

Ir-regoli dwar il-kriterji ta' intervent, benefiċjarji eliġibbli, applikazzjonijiet eliġibbli, miżuri u l-kumplament jinsabu stabbiliti fir-Regolament tal-FEG.

Kif ivarja l-FEG mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment tal-UE?

Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment tal-UE, b'mod partikulari l-Fond Soċjali Ewropew, jieħdu perspettiva strateġika, fit-tul ta' żmien biex jantiċipaw u jimmaniġġjaw l-impatt soċjali tat-tibdil industrijali permezz ta' attivitajiet bħat-tagħlim tul il-ħajja.

Il-FEG jipprovdi lill-ħaddiema b'appoġġ individwali ta' darba għal żmien limitat ta' żmien.

    Aqsam

  • Twitter Facebook Ixxerja fuq Google+