Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Franza

Emerġenza

Informazzjoni dwar is-CEAM


Kura, kopertura u spejjeż

Għal aktar informazzjoni dwar:

  • professjonisti tal-kura medika (tobba, dentisti, infermiera, eċċ)
  • sptarijiet fiż-żona fejn qed toqgħod
  • spejjeż u kopertura fi Franza

ikkonsulta lis-sit web annuaire santé ameli (bil-Franċiż biss).

Tobba

  • Bil-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tiegħek, tista’ tikkonsulta tabib affiljat mas-sistema tas-saħħa pubblika. (“médecin conventionné”).
  • It-tobba conventionnés jaqgħu f'waħda minn żewġ kategoriji:
    “Settur 1”: tobba li jiċċarġjaw ir-rati tas-sigurtà soċjali;
    “Settur 2”: tobba li jiċċarġjaw rata supplimentari ma’ dawn it-tariffi.
  • Għandek tħallas direttament lit-tabib. Dan jimla formola ta' kura (feuille de soins) u jiktiblek riċetta jekk ikun hemm bżonn. Ikollok bżonn il-formola tal-kura (feuille de soins) biex titlob rimborż.

Dentisti

  • Bil-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tiegħek, tista’ tikkonsulta dentist affiljat mas-sistema tas-saħħa pubblika (“dentiste conventionné”).
  • Għandek tħallas direttament lid-dentist. Dan jimla formola ta' kura (feuille de soins) u jiktiblek riċetta jekk ikun hemm bżonn. Ikollok bżonn il-formola tal-kura (feuille de soins) biex titlob rimborż.

Kura fi sptar

Ir-regoli li ġejjin japplikaw għall-istituzzjonijiet pubbliċi u l-kliniki b’kuntratt privat:

  • Uri l-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa kif tiddaħħal l-isptar. Dan se jiffrankalek milli tħallas spejjeż bil-quddiem li huma rimborżabbli. Fil-każijiet kollha, se tkun responsabbli għal:

- l-ispejjeż mediċi li għandhom jitħallsu mill-pazjent (kontribuzzjoni tal-pazjent u kwalunkwe spejjeż żejda);

u rata fissa ta’ kuljum għal soġġorni matul il-lejl (ikliet, ħwejjeġ, eċċ.) ta’ €20 kuljum u kwalunkwe suppliment għal kumdità personali (kamra individwali, telefown, televiżjoni, eċċ.).

Dawn l-ispejjeż mhumiex rimborżabbli mis-sistema tas-sigurtà soċjali Franċiża, u huwa f’idejk li tiċċekkja jekk għandekx rimborż mill-pajjiż ta’ residenza tiegħek.

Jekk tirċievi kura fi klinika privata mhux b’kuntratt, ikollok tħallas l-ispiża kollha u mbagħad titlob rimborż. It-tariffi jistgħu jkunu ogħla u l-ispejjeż li jifdal li trid tħallashom int għalhekk se jkunu ogħla.

Riċetti tat-tabib

  • Mar-riċetta tiegħek, għandek b’mod obbligatorju tirċievi formola ta' kura (feuille de soins). Irid ikollok din biex titlob rimborż. Tieħu l-flus lura tal-mediċini bir-riċetta biss jekk jinsabu fil-lista ta' prodotti farmaċewtiċi rimborżabbli. L-ispiżjar jindikalek liema mediċini huma rimborżabbli u liema le.

Ambulanza - Ambulanza bl-ajru

  • Irid ikollok riċetta medika li tiddikjara li għandek bżonn taxi jew ambulanza. It-trasport mediku jiġi rimborżat biss taħt ċerti kundizzjonijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni Franċiża, inkluża preskrizzjoni medika obbligatorja.

Ambulanza bl-ajru

Biex tuża l-ambulanza bl-ajru, se jkollok bżonn: 

  • riċetta medika
  • awtorizzazzjoni minn qabel maħruġa mill-uffiċjal mediku tas-CPAM.

Rimborż

Fi Franza, ir-rimborżi jistgħu jintalbu lis-CPAM ta’ fejn qed toqgħod. F'dan il-każ, tintbagħatlek konferma tar-rimborż fl-indirizz tad-dar tiegħek. Jekk ma ssottomettejtx it-talba għar-rimborż waqt li kont fi Franza, ikkuntattja lill-fornitur tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek meta tasal lura f'pajjiżek.

  • Lill-fond Franċiż għandek tipprovdilu:
    • il-formola ta' kura (feuille de soins);
    • il-kopji tal-irċevuti u tar-riċetti;
    • il-kopja tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa jew taċ-ċertifikat provviżorju ta’ sostituzzjoni;
    • l-indirizz tiegħek fil-pajjiż ta’ residenza tiegħek;
    • id-dettalji tal-bank, inklużi n-Numru Internazzjonali tal-Kont Bankarju (IBAN) u l-Kodiċi Identifikatur tal-Bank (BIC).
  • Ir-rati ta’ rimborż ivarjaw skont it-tip ta’ kura jew trattament riċevut:
    • se tiġi rimborżat bir-rata ta’ 70% tat-tariffi stabbiliti mis-sigurtà soċjali għall-mediċina tal-belt jew 80% għall-kura fl-isptar. Dejjem se tkun responsabbli għall-kontribuzzjoni tal-pazjent u kwalunkwe eċċess tat-tariffa;
    • ir-rata ta’ kopertura tal-mediċini tvarja bejn 65%, 35% jew 15%;
    • ir-rata ta’ kopertura għall-konsultazzjonijiet ma’ assistent mediku hija ta’ 60% (fiżjoterapista, infermiera, eċċ.).
  • L-eċċess pagabbli minnek jiġi applikat għall-parti rimborżata mill-iskema Franċiża tal-assigurazzjoni tal-mard, li l-ammont tagħha jvarja skont il-kura li tirċievi:
    • Konsultazzjonijiet u proċeduri mediċi: kontribuzzjoni fissa ta’ €1 titnaqqas minn kull konsultazzjoni ma’ tabib b’kuntratt, u kontribuzzjoni ta’ €0.50 għal kull proċedura medika.
    • Prodotti mediċinali: eċċess ta’ €0.50 għal kull kaxxa ta’ mediċini.
    • Trasport: eċċess mediku ta’ €2 għal kull trasport (taxi, vettura medika ħafifa jew ambulanza).

Kontribuzzjoni tal-pazjent

Il-kontribuzzjoni tal-pazjent hija l-parti mhux koperta mis-sistema tas-sigurtà soċjali Franċiża, li tibqa’ pagabbli minnek wara rimborż mill-iskema tal-assigurazzjoni tal-mard. Madankollu, għal ċerti atti li jiswew ħafna aktar minn €120, l-ammont ta’ dan il-kopagament huwa kontribuzzjoni b’rata fissa ta’ €24.

Fil-każ ta’ trasferiment għal emerġenzi fi sptar, mhux segwit minn rikoveru l-isptar, il-kontribuzzjoni tal-pazjent hija ta’ €19.61 (somma li titħallas mill-pazjent għall-emerġenza).


Dijaliżi, ossiġenu u kimoterapija

L-annuaire santé hu servizz mgħoti mis-sistema tal-assigurazzjoni tas-saħħa Franċiża. Bl-użu ta' kriterji differenti (isem, qasam ta' għarfien espert, post, eċċ.) tista' tfittex għal:

  • professjonist tal-kura ta’ saħħa (tabib, infermier, spiżjar, eċċ.);
  • ċentru tal-kura tas-saħħa (sptar, klinika, eċċ.);
  • dwar l-ispejjeż involuti u kif tista' titlob għar-rimborżi;
  • postijiet li joffru trattament tad-dijaliżi, il-kimoterapija jew it-terapija tal-ossiġenu (it-terapija tal-ossiġenu hi parti mill-pnewmonoloġija fi Franza).

Kif napplika għal EHIC?

L-informazzjon hi disponibbli fuq is-sit web tal-CLEISS (bil-Franċiż u l-Ingliż) u tal-Caisse nationale d’assurance maladie (CNAM) (bil-Franċiż).


Fejn jaċċettaw l-EHIC


Kard mitlufa jew misruqa

Kuntatti għal min għandu EHIC li nħarġet fi Franza

Ikkuntattja lill-uffiċċju tas-CPAM tiegħek fi Franza:

  • online: billi tikkonsulta l-kont ameli tiegħek, taħt “Assurés”;
  • bit-telefown: 3646 (minn Franza) jew +33 1 84 90 36 46 (minn pajjiż barrani).

Tista’ tikkuntattja lill-MSA tiegħek fi Franza online billi tikkonsulta l-ispazju privat tiegħek.

Ixxerja din il-paġna