Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

Minn Paola Testori Coggi, Direttur Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi, il-Kummissjoni Ewropea

Minn Paola Testori Coggi, Direttur Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi, il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Pakkett ta’ Investiment Soċjali tagħha għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Koeżjoni fl-20 ta’ Frar 2013. Kif enfasizzat fid-dokument tal-Kummissjoni dwar l-Investiment fis-Saħħa inkluż fil-pakkett, is-saħħa hija parti integrali mill-istrateġija Ewropa 2020.

Id-dokument jirrakkomanda riforma tas-sistemi tas-saħħa biex jiġi żgurat li jintleħqu żewġ miri: li jiġi pprovdut aċċess għas-servizzi tas-saħħa ta’ kwalità għolja u li r-riżorsi pubbliċi jintużaw b'mod aktar effiċjenti. Id-dokument ikompli jimxi fuq l- Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir pdf, li jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni tas-saħħa għal irkupru li joħloq ħafna impjiegi u jirrakkomanda riforma tas-sistemi tas-saħħa biex jiġu żgurati l-kosteffettività u s-sostenibbiltà tagħhom.

Filwaqt li jqis li s-saħħa hija valur fih innifsu kif ukoll li l-infiq fis-saħħa jiffavorixxi t-tkabbir ekonomiku, id-dokument tal-Kummissjoni dwar "L-Investiment fis-Saħħa" ikopri tliet elementi ewlenin:

L-investiment f'sistemi tas-saħħa sostenibbli

Is-sistemi tas-saħħa fl-Ewropa huma fil-qalba tal-protezzjoni soċjali ta' livell għoli tagħha u huma l-pedament tal-ekonomija soċjali tas-suq fl-Ewropa. Il-limiti relatati mal-kriżi ekonomika, flimkien ma' aktar bidliet strutturali fid-demografija u t-tip ta' mard li jaffettwa l-popolazzjonijiet fl-Ewropa, isaħħu l-ħtieġa għal riforma u modernizzazzjoni ta' dawk is-sistemi. Iżda dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet m'għandhomx iħallu l-iffrankar falz fuq tul ta' żmien qasir jagħmihom. L-UE tista' tgħin lill-Istati Membri billi ssostni r-riformi, ngħidu aħna billi ttejjeb il-kosteffettività permezz ta' aktar innovazzjoni u billi jiġu żviluppati għodod li jevalwaw aħjar ir-rendiment tas-sistemi tas-saħħa. L-effiċjenza tista' tiżdied, pereżempju, billi jiddaħħlu inqas nies l-isptar u billi ma jintbagħtux għand l-ispeċjalisti għalxejn, billi jissaħħu s-servizzi tas-aħħa fil-komunità, jitħeġġeġ l-użu ta' mediċini (ġeneriċi) ekwivalenti li jkunu inqas għaljin, u billi tintuża l-valutazzjoni tat-teknoloġiji tas-saħħa biex titkejjel il-kosteffettività tat-teknoloġiji tas-saħħa bħala bażi għat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Is-saħħa bħala investiment fil-kapital uman

Is-saħħa tista' tistimola t-tkabbir ekonomiku billi tippermetti lin-nies jibqgħu attivi aktar fit-tul u b’saħħa aħjar. Il-qagħda tas-saħħa tal-popolazzjoni tinfluwenza l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-produttività. L-investiment fis-saħħa tal-popolazzjoni jgħin ukoll biex jillimita spejjeż futuri relatati mat-trattament ta’ mard li jista’ jiġi evitat u jfisser investiment f'ħaddiema effiċjenti u f'saħħithom.

Il-politika dwar is-saħħa pubblika għandha tiffoka fuq il-prevenzjoni tal-mard u l-promozzjoni tas-saħħa biex jitnaqqsu l-piżijiet ekonomiċi u umani tal-mard kroniku. Il-Partenarjat Ewropew għall-Innovazzjoni dwar anzjanità attiva u f'saħħitha qed jiżviluppa eżempji interessanti ta' azzjonijiet għal għajnuna lin-nies biex ikollhom ħajja aktar sana, aktar attiva u indipendenti waqt li jkunu qed jixjieħu.

L-investiment biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa

Ir-riżultati tas-saħħa jvarjaw b'mod konsiderevoli fl-Istati Membri u bejniethom. Jeżistu saħansitra inugwaljanzi ikbar fost gruppi vulnerabbli bħal ċerti minoritajiet etniċi u xi gruppi ta' migranti. L-investiment fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa jikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali u jkisser l-ispirall vizzjuż ta' saħħa ħażina li jikkontribwixxi għall-faqar u l-esklużjoni. L-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa jirrappreżentaw mhux biss ħela ta' potenzjal uman, iżda wkoll telf ekonomiku potenzjali enormi. L-aċċess universali għas-servizzi tas-saħħa jista' jgħin fit-tnaqqis tal-faqar u fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. Azzjoni intersettorjali - “is-saħħa fil-politiki kollha” - hi meħtieġa biex jiġu indirizzati l-aspetti soċjali tas-saħħa.

Il-messaġġ ewlieni tad-dokument hu li l-infiq kosteffettiv; ir-riformi strutturali u aktar innovazzjoni fis-sistemi tas-saħħa jistgħu jġibu magħhom gwadanni fl-effiċjenza u jiżguraw saħħa aħjar.

L-investiment fis-saħħa huwa prijorità fil-Pakkett ta’ Investiment Soċjali

Aktar dwar din it-tema