Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Aħbarijiet 28/05/2020

Irkupru mill-kriżi: Il-finanzjament tal-UE għall-protezzjoni tal-impjiegi u l-appoġġ għal soċjetà u ekonomija ekoloġika, diġitali u inklużiva

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi bidliet meħtieġa għall-programmi ta’ finanzjament soċjali tal-UE biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali u tal-impjiegi fl-era ta’ wara l-kriżi.

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tressaq il-bidliet meħtieġa għall-programmi ta’ finanzjament soċjali tal-UE biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali u tal-impjiegi ewlenin li hemm fil-ġejjieni fl-era ta’ wara l-kriżi, bħaż-żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-ħtieġa li l-ikel bażiku u l-għajnuna materjali jiġu indirizzati lil dawk l-aktar fil-bżonn, kif ukoll ir-riskju tal-faqar fost it-tfal. Il-proposti ta’ finanzjament tal-lum se jakkumpanjaw ukoll lill-ħaddiema hekk kif dawn jinnavigaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali permezz ta’ investiment f’opportunitajiet ta’ ħiliet, li jippermettulhom jirnexxu f’soċjetà li tkun newtrali għall-klima, aktar diġitali u inklużiva. Fl-istess ħin, aħna qed naraw li l-azzjonijiet ta’ finanzjament jibqgħu validi fil-futur bl-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ tweġiba għall-kriżijiet għal emerġenzi futuri.

Dan jeħtieġ aġġornament rapidu tar-regoli kemm tal-programmi ta’ finanzjament attwali kif ukoll tal-proposta baġitarja futura, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda. Il-Fond Soċjali Ewropew Plus se jkun l-istrument finanzjarju ewlieni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Dan jibqa’ l-boxxla tagħna biex niżguraw irkupru soċjalment ġust. Strumenti oħra bħall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) diġà eżistenti u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) se jiġu msaħħa bl-użu ta’ finanzjament ġdid, sabiex l-isforzi jkunu jistgħu jibdew immedjatament ħalli n-nies jerġgħu lura għax-xogħol u l-għajnuna tkun diretta lejn dawk l-aktar vulnerabbli.

Il-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali Nicolas Schmit qal: “Li l-Ewropa ssir aktar reżiljenti, sostenibbli u inklużiva fil-futur ifisser investiment fil-persuni tagħha issa, u speċjalment fil-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. Il-prijorità tagħna hija li ngħelbu malajr ix-xokk soċjali u ekonomiku kkawżat mill-kriżi tal-coronavirus u li niżguraw li ma nħallu lil ħadd warajna.”

It-tweġiba immedjata: Riżorsi addizzjonali sinifikanti għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD)

Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni) huma proposti li jirċievu EUR 55 biljun fi flus ġodda għall-2020-2022 biex jiġi miġġieled l-impatt negattiv tal-coronavirus fis-suq tax-xogħol. L-għodda għal dan hija r-REACT-EU li fiha l-Fond Soċjali Ewropew għall-2014-2020 għandu rwol ewlieni fis-sostenn tal-impjiegi u fl-appoġġ tal-inklużjoni soċjali.

Ir-riżorsi addizzjonali tal-FSE għandhom ikunu diretti primarjament lejn l-appoġġ għal:

  • Iż-żamma tal-impjiegi, inkluż permezz ta’ skemi ta’ xogħol għal żmien qasir u appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom biex jipproteġu d-dħul tagħhom
  • Il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, b’mod partikolari għal persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli
  • Il-miżuri għall-impjiegi taż-żgħażagħ
  • L-edukazzjoni u t-taħriġ
  • L-iżvilupp tal-ħiliet, b’mod partikolari biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali
  • Il-miżuri biex jitjieb l-aċċess għas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa, inkluż għat-tfal.

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li l-Istati Membri jistgħu jgħammru l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) b’riżorsi addizzjonali sal-2022, fi ħdan ir-REACT-EU. Dan se jipprovdi riżorsi addizzjonali għall-għajnuna alimentari u materjali bażika u għall-miżuri li jakkumpanjawhom, u għal miżuri ddedikati għall-inklużjoni soċjali. Dan se jiżgura li l-finanzjament għall-miżuri ewlenin ta’ tiswija tal-kriżijiet u l-appoġġ għal dawk l-aktar fil-bżonn jistgħu jkomplu mingħajr interruzzjoni.

Fl-infiq ta’ dawn il-fondi, l-Istati Membri għandhom jippromwovu b’mod xieraq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri li hija prinċipju orizzontali fil-leġiżlazzjoni dwar il-fondi soċjali.

It-tweġiba aktar fit-tul: Proposta msaħħa tal-Fond Soċjali Ewropew Plus

Fil-qafas tal-proposti l-ġodda għall-baġit futur fit-tul tal-UE għall-2021-2027 adottat illum, il-Kummissjoni pproponiet emendi importanti għall-proposta tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+).

  • Il-proposta emendata tinkludi appoġġ imsaħħaħ għall-impjiegi taż-żgħażagħ. L-Istati Membri b’rata medja ‘l fuq mill-Unjoni ta’ persuni li għandhom 15 – 29 sena u li m’għandhomx impjieg, edukazzjoni jew taħriġ għandhom jinvestu tal-anqas 15 % (żieda minn 10 % fil-proposta oriġinali tal-FSE+) tar-riżorsi tal-FSE+ tagħhom għal azzjonijiet immirati biex jappoġġaw liż-żgħażagħ.
  • L-FSE+ se jgħin ukoll biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal. L-ebda tifel jew tifla ma jista’ jiġi abbandunat wara l-pandemija tal-coronavirus. Il-proposta emendata tal-FSE+ teħtieġ li l-Istati Membri kollha jallokaw tal-anqas 5 % tar-riżorsi tal-FSE+ tagħhom biex jimplimentaw miżuri li jnaqqsu l-faqar fost it-tfal.
  • Barra minn hekk, l-FSE+ se jagħti kontribut qawwi għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali billi jixpruna l-investiment f’opportunitajiet ta’ ħiliet sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jirnexxu f’soċjetà li tkun newtrali għall-klima, aktar diġitali u inklużiva.
  • Sabiex ikun ippreparat aħjar għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza futuri, l-FSE+ jinkludi mekkaniżmu ta’ tweġiba għall-kriżijiet. Dan se jiżgura li f’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tkun tista’ tadattah biex twieġeb għal avvenimenti bħal dawn, u jiġu emendati malajr ir-regoli dwar il-ġestjoni tal-fondi għall-Istati Membri kif meħtieġ.

Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) msaħħaħ

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) jappoġġa ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom bħala riżultat ta’ avvenimenti kbar ta’ ristrutturar, billi jiffinanzja taħriġ immirat u appoġġ ieħor għall-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol. Minħabba ż-żieda mistennija fid-domanda wara l-pandemija tal-coronavirus, il-Kummissjoni tipproponi żieda fil-finanzjament annwali disponibbli għal EUR 386 miljun mill-2021 ‘il quddiem.

Fondi addizzjonali li jappoġġaw l-objettivi soċjali u tal-impjiegi

Barra minn hekk, ħafna fondi oħra se jinvestu b’mod sinifikanti biex jappoġġjaw l-objettivi soċjali u tal-impjiegi.

Il-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza l-ġdida għandha baġit ta’ EUR 560 biljun li jista’ jiġi sfruttat mill-Istati Membri biex jappoġġaw l-investiment soċjali u r-riformi permezz ta’ għotjiet u self. Din il-faċilità torbot mal-gwida tas-Semestru Ewropew li tibni fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Għalhekk, din se tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw l-isfidi strutturali ekonomiċi u soċjali f’diversi oqsma, b’mod partikolari dawk soċjali, tal-impjiegi, tal-ħiliet u tal-edukazzjoni.

Il-Kummissjoni pproponiet li tipprovdi finanzjament addizzjonali sostanzjali għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, għal total ta’ EUR 40 biljun. Dan il-finanzjament se jintuża biex itaffi l-impatti soċjoekonomiċi tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika fir-reġjuni l-aktar milquta, pereżempju billi jappoġġa t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema.

L-InvestEU se jibbenefika wkoll minn aktar riżorsi biex jiġu appoġġati l-infrastruttura soċjali jew il-mikrofinanzjament lill-intraprendituri, b’mod partikolari fl-ekonomija soċjali. L-InvestEU huwa propost li jkollu baġit totali ta’ EUR 32 biljun.

U l-Erasmus, b’baġit totali propost ta’ EUR 25 biljun, se jinvesti fiż-żgħażagħ, u joffrilhom opportunitajiet biex jiksbu esperjenzi ġodda billi jsiefru. Dan jipprovdi wkoll finanzjament kruċjali fil-qasam tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET).

Ixxerja din il-paġna