Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol

Id-dritt tiegħek għal trattament ugwali

Il-liġi tal-UE tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol fuq il-bażi tal-età, is-sess, id-diżabilità, l-oriġini etnika jew razzjali, ir-reliġjon jew it-twemmin, jew l-orjentazzjoni sesswali. Il-leġiżlazzjoni dwar it-trattament ugwali fil-livell tal-UE tistabbilixxi livelli minimi ta’ protezzjoni għal kull min jaħdem fl-UE.

Int intitolat għal trattament ugwali fir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-promozzjoni, il-paga, l-aċċess għal taħriġ vokazzjonali, il-pensjonijiet tax-xogħol u t-tkeċċija.

Il-liġijiet tal-UE jfissru li min iħaddem m’għandux jiddiskrimina fuq ix-xogħol, u l-impjegati għandhom id-dritt li ma jiġux diskriminati.

X’tip ta’ diskriminazzjoni teżisti fuq il-post tax-xogħol?

Diversi sitwazzjonijiet huma koperti mil-liġi tal-UE:

Issir diskriminazzjoni diretta meta min iħaddem jittrattak agħar minn ħaddieħor f’sitwazzjoni komparabbli, b’rabta mas-sitt raġunijiet imsemmija hawn fuq. Eżempju ta’ dan huwa li wieħed jirrifjuta li jħaddem persuna minħabba li għandha aktar minn 35 sena.

Issir diskriminazzjoni indiretta meta prattika, politika jew regola li tapplika għal kulħadd ikollha effett negattiv fuq xi persuni. Dawn il-miżuri jidhru newtrali mal-ewwel daqqa t’għajn, iżda fil-fatt jiddiskriminaw kontra ċerti persuni. Pereżempju, regoli ta’ implimentazzjoni li ma jkunux favorevoli għal ħaddiema part-time jistgħu jiddiskriminaw indirettament kontra n-nisa peress li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema part-time huma nisa.

Il-fastidju huwa forma oħra ta’ diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol. Dan huwa aġir mhux mixtieq, bullying jew imġiba oħra li jkollha l-għan jew l-effett li joħloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv. Pereżempju, jekk il-kap jew il-kollegi jgħidu ċajt dwar l-orjentazzjoni sesswali lil xi kollega omosesswali/lesbjana.

Struzzjoni biex issir diskriminazzjoni hija meta persuna tinstiga lil persuna oħra biex tiddiskrimina kontra xi ħaddieħor. Pereżempju, jekk min iħaddem jitlob lil aġenzija tax-xogħol temporanju biex issib biss ħaddiema li għandhom inqas minn 40 sena.

Il-vittimizzazzjoni hija meta persuna tbati konsegwenzi negattivi b’reazzjoni għal ilment dwar diskriminazzjoni. Pereżempju, jekk xi ħadd ikun tkeċċa jew ġie rrifjutat promozzjoni minħabba li ressaq ilment dwar diskriminazzjoni kontra l-kap tiegħu.

Ixxerja din il-paġna