Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Il-Premju Access City

Il-Kummissjoni Ewropea ilha mill-2010 torganizza l-Premju Access City, b’kollaborazzjoni mal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, biex tirrikonoxxi u tiċċelebra r-rieda, il-kapaċità u l-isforzi tal-bliet tal-UE li jagħtu prijorità lill-aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità.

L-aċċessibilità ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd, iżda huwa indispensabbli għal aktar minn 100 miljun ċittadin tal-UE b’diżabilità li jkollhom aċċess ugwali għad-drittijiet fundamentali u għall-ibliet b’dak kollu li għandhom x’joffru. Belt hija aċċessibbli meta l-persuni b’diżabilità jistgħu, pereżempju:

  • jiksbu informazzjoni (online u offline).
  • jużaw it-trasport (eż. xarabanks, trammijiet, metros) u l-infrastruttura relatata tiegħu.
  • igawdu minn spazji pubbliċi, bħal parks u playgrounds.
  • jidħlu f’binjiet u madwarhom bħas-sala muniċipali, il-librerija u s-sala tal-isport, u jaċċessaw is-servizzi tagħhom.

Il-Premju Access City 2025

L-applikazzjonijiet għall-Premju Access City 2025 huma miftuħa mill-25 ta’ Ġunju 2024 sal-10 ta’ Settembru 2024 fil-23:59 CEST.

L-applikazzjonijiet iridu jsiru billi timtela u tiġi sottomessa applikazzjoni online sa mhux aktar tard mill-10 ta’ Settembru 2024 fil-23:59h.

Din is-sena hija partikolarment importanti peress li tikkommemora l-15-il anniversarju tal-premju. Matul dawn l-aħħar 14-il sena, ingħataw premjijiet lil 70 belt, inklużi l-14-il rebbieħ fosthom li ġew fl-ewwel post. L-aktar belt reċenti li rċeviet il-premju prestiġjuż kienet San Cristóbal de La Laguna (Spanja).

Premjijiet

Ir-rebbieħa u l-finalisti se jirċievu premju monetarju ta’:

  • l-ewwel post: EUR 150 000
  • it-tieni post: EUR 120 000
  • it-tielet post: EUR 80 000

Barra minn hekk, il-ġurija tal-UE tista’ tiddeċiedi li tagħti sa 5 “Referenzi Speċjali” jekk ikun hemm bliet li jkunu wettqu ħidma eċċezzjonali f’qasam ewlieni partikolari tal-aċċessibilità (eż., l-ambjent mibni u l-ispazju pubbliku; it-trasport, u l-infrastruttura relatata; l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inkluż l-ICT; jew il-faċilitajiet u s-servizzi pubbliċi).

Din is-sena, il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha wkoll tagħti Referenza Speċjali dwar “Infrastruttura Sportiva Aċċessibbli” lil belt li turi kif dawn idaħħlu l-aċċessibilità fl-infrastruttura sportiva tagħhom. 

Min jista’ japplika?

Il-Premju Access City hu miftuħ

  • għall-bliet kollha tal-UE ta’ aktar minn 50 000 abitant
  • għaż-żoni urbani magħmula minn żewġ bliet jew aktar b’popolazzjoni kkombinata ta’ aktar minn 50 000 abitant, jekk jinsabu f’pajjiżi tal-UE b’inqas minn 2 ibliet b’aktar minn 50 000 abitant.

Proċess tal-għażla

Il-proċess tal-għażla huma maqsum f’żewġ fażijiet: l-għażla minn qabel fil-livell nazzjonali u l-għażla finali fil-livell Ewropew. Il-ġuriji nazzjonali f’kull pajjiż jelenkaw massimu ta’ 3 ibliet. Mill-kandidati preselezzjonati, il-Ġurija Ewropea tagħżel ir-rebbieħa.

Il-ġuriji se jqisu l-miżuri meħuda u ppjanati fl-oqsma li ġejjin:

  • l-ambjent mibni u l-ispazji pubbliċi
  • it-trasport u l-infrastruttura relatata
  • l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inklużi t-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni
  • il-faċilitajiet u s-servizzi pubbliċi
  • kunsiderazzjonijiet eżemplari ta’ infrastruttura sportiva aċċessibbli (għar-Referenza Speċjali)

L-applikant li jirnexxielu jintgħażel irid juri approċċ koerenti għall-aċċessibilità fl-erba’ oqsma kollha u viżjoni ambizzjuża.

Il-fażi tal-applikazzjoni

L-applikazzjonijiet huma miftuħa mill-25 ta’ Ġunju 2024 sal-10 ta’ Settembru 2024 fil-23:59 CEST.

Kronoloġija

  • 25 ta' Ġunju 2024: Tnedija tal-kompetizzjoni
  • 10 ta’ Settembru 2024 23:59h: Skadenza tal-applikazzjoni
  • Bidu ta’ Novembru 2024: Tħabbir tal-finalisti
  • 28-29 ta’ Novembru 2024: Tħabbir tar-rebbieħ, tal-finalisti, u tar-Referenzi Speċjali fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet, matul il-konferenza tal-Jum Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità.

Għaliex Premju Access City?

Il-Premju Access City huwa parti mill-isforzi usa’ tal-UE biex tagħmel il-ħajja aħjar għall-persuni b’diżabilità, permezz tal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021–2030, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Dan il-premju jibqa’ eżempju ewlieni tal-Kummissjoni li taħdem id f’id ma’ livelli oħra tal-gvern biex dan l-impenn għall-inklużjoni jinbidel f’realtà għall-persuni b’diżabilità madwar l-UE.

Il-Premju Access City huwa inizjattiva tal-UE li

  • tirrikonoxxi l-isforzi tal-ibliet biex isiru aktar aċċessibbli
  • tippromwovi aċċess ugwali għall-ħajja urbana għall-persuni b’diżabilità
  • tippermetti lill-awtoritajiet lokali jippromwovu u jaqsmu l-aħjar prattiki tagħhom

Kuntatti

Ir-rebbieħa preċedenti tal-Premju Access City

Inkella, sib ir-rebbieħa preċedenti f’din il-lista.

Ixxerja din il-paġna