Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Malta - Benefiċċji għall-Familja

Dan il-kapitolu jipprovdi ħarsa ġenerali dwar il-benefiċċji pagabbli lill-familji bi tfal.

Meta nista' nagħmel talba għal benefiċċju?

Allowance tat-Tfal

L-Allowance tat-Tfal titħallas lill-familji li jgħixu f'Malta u li għandha t-tfal taħt l-età ta’ sittax-il sena. Ir-rata tal-benefiċċju tiġi kkalkulata skont id-differenza bejn €25,924 u d-dħul globali taż-żewġ ġenituri (iddikjarat fis-sena ta' qabel l-applikazzjoni tagħhom). F'każ li d-dħul globali jaqbeż €25,409, ir-rata fissa li hija pagabbli tammonta għal €450 fis-sena għal kull wild. Suppliment annwali ta’ €140 huwa pagabbli wkoll lill-familji li jaqbżu d-dħul massimu u €160 huma pagabbli lill-familji li d-dħul tagħhom huwa taħt il-livell limitu. Tfal ta’ aktar minn 16-il sena jikkwalifikaw għal rata mnaqqsa jekk ikunu għadhom qed jieħdu edukazzjoni jew taħriġ full-time jew jekk ikollhom impjieg mingħajr ħlas.

Allowance għal tfal b'Diżabilità

Dan il-benefiċċju huwa pagabbli lil kull familja li għandha ulied b'diżabilità fiżika jew mentali u li mhux qed jirċievu xi pensjoni oħra tas-sigurtà soċjali għall-istess diżabilità.

Allowance għal Foster care

Tfal li jiġu ffosterjati jew jgħixu f'xi istituzzjoni għandhom dritt għal dan il-benefiċċju.

Dawn iż-żewġ benefiċċji ta’ hawn fuq mhumiex soġġetti għal test tal-mezzi.

In-Work Benefit

Dan il-benefiċċju hu relatat mad-dħul u huwa pagabbli lil ġenituri li jaħdmu u li jaqilgħu l-ammont preskritt u li għandhom tfal taħt l-età ta’ 23 sena.

Bonus Għat-Twelid ta’ Tarbija jew Adozzjoni

Dan huwa pagament ta’ darba għal kull wild li jitwieled jew jiġi adottat f’Malta wara l-1 ta’ Jannar 2020.

Kif nista' nikkwalifika?

Benefiċċju tat-tfal

L-applikant irid ikun jgħix f’Malta u jkollu t-tfal taħt is-16-il sena. Jekk it-tfal għandhom aktar minn 16-il sena, dawn jeħtieġ li jkunu qegħdin jieħdu l-edukazzjoni jew taħriġ full-time jew ikollhom impjieg mingħajr ħlas.

Il-benefiċċju jiġi soġġett għal test tal-mezzi.

Benefiċċju għal tfal b'diżabilità

Dan il-benefiċċju huwa miftuħ għall-applikanti li t-tfal tagħhom għandhom diżabbiltà fiżika jew mentali.

Allowance għal Foster Care

L-applikant jista’ japplika għal dan l-allowance meta qed jiffosterja tfal fil-bżonn.

In-Work Benefit

1.Għal koppji li jaħdmu t-tnejn u fejn id-dħul totali tagħhom fis-sena minn impjieg/attività bi qliegħ huwa bejn €10,000 u €50,000, u fejn id-dħul/profitt nett ta’ xi ħadd minnhom mhuwiex anqas minn €3,000 kull sena u bi tfal li jgħixu fl-istess indirizz li ma laħqux l-età ta’ 23 sena.

2. Għal koppji fejn xi ħadd mill-konjuġi/imsieħba qed jaħdem f’impjieg bi qliegħ u fejn id-dħul annwali minn din l-attività huwa bejn €6,600 u €35,000 u bi tfal li jgħixu fl-istess indirizz li ma laħqux l-età ta’ 23 sena.

3. Għal ġenituri li jgħixu waħedhom (familja b'ġenitur wieħed) fejn id-dħul annwali minn impjieg/attività bi ħlas tagħhom huwa bejn €6,600 u €35,000 u bi tfal li jgħixu fl-istess indirizz li ma laħqux l-età ta’ 23 sena.

Bonus Għal Twelid ta’ Tarbija jew Adozzjoni

L-applikant għandu jkun ilu jgħix f’Malta għal perjodu ta’ 10 snin qabel it-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild. It-trabi li jitwieldu jew l-adozzjonijiet ta’ wild għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru Pubbliku tat-Twelid ta’ Malta. It-trabi li jitwieldu jew l-adozzjonijiet li saru wara l-1 ta’ Jannar 2020 biss huma eleġibbli għal dan il-pagament.

Xi jmissni bi dritt u kif nista' nagħmel it-talba tiegħi?

Benefiċċju tat-tfal

L-inqas rata ta' benefiċċju tat-tfal li tista' titħallas hi ta' €450 fis-sena għal kull wild, waqt li l-ogħla rati huma:

  • €24.08 fil-ġimgħa għal wild wieħed;
  • €48.16 fil-ġimgħa għal żewgt itfal;
  • €72.24 fil-ġimgħa għal tlett itfal;
  • €96.32 fil-ġimgħa għal erbat itfal;
  • €24.08 fil-ġimgħa għal kull wild ieħor.

Kemm-il darba d-dħul kollu tal-ġenituri ma jkunx jaqbeż €25,924 fis-sena, l-ammont tal-benefiċċju li jitħallas hu ekwivalenti għad-differenza bejn €25,409 u d-dħul reali tal-ġenituri li mbagħad jiġi mmultiplikat b’6.5%. Hemm limitu (threshold) minimu ta' €6,659, għalhekk bħala dħul u kull dħul taħt dan l-ammont jiġi kkunsidrat bħala €6,659.

Kalkulatur tal-benefiċċju huwa disponibbli f’dan il-link: https://mysocialsecurity.gov.mt/CalculateCA.aspx

Benefiċċju għal tfal b'diżabilità

Dan l-benefiċċju ta' €30.00 fil-ġimgħa jitħallas bħala suppliment għall-Benefiċċju tat-Tfal. Dan jitħallas irrispettivament mid-dħul tal-ġenituri

Benefiċċju dwar tifel jew tifla fil-kura

Dan jammonta għal €110 fil-ġimgħa għal kull tifel u tifla li jiġu ffosterjati.

In-Work Benefit

Dan il-benefiċċju hu relatat mad-dħul u huwa pagabbli għal kull tifel/tifla taħt it-23 sena. Ir-rati pagabbli huma disponibbli permezz tal-link t’hawn taħt: https://mysocialsecurity.gov.mt/CalculateIWB.aspx

Bonus Għal Twelid ta’ Tarbija jew Adozzjoni

Pagament ta’ darba ta’ €400 li mhuwiex relatat mad-dħul.

Kun af id-drittijiet tiegħek

Riżorsi ta’ Malta

Is-sit web tal-Kummissjoni

Lil min għandek bżonn tikkuntattja?

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali
38, Triq l-Ordinanza,
Valletta, VLT 1021
Malta

Lista taċ-Ċentri tas-Sigurtà Soċjali.

Aħbarijiet relatati

Ebda aħbar relatata fl-aħħar sitt xhur.

Ixxerja din il-paġna