Ibgħat lil ħabib
RSS
google +
Verżjoni għall-istampar

minn Martin Seychell, Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Kummissjoni Ewropea għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel

minn Martin Seychell, Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Kummissjoni Ewropea għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel

Kif qed jintefqu l-flus tal-kontribwenti Ewropej fis-settur tas-saħħa? B’appoġġ mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), l-investimenti fis-saħħa fl-2014-2020 se jkunu determinati mir-riżultati u bbażati fuq il-ħtiġijiet.  Dawn il-fondi huma maħsuba biex ikunu ta' għajnuna ħalli jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u sabiex ikun aktar faċli għaċ-ċittadini kollha tal-UE li jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja.  Fil-qosor, biex jipprovdu servizzi ta’ kura tas-saħħa aħjar u aktar ġusti għal kulħadd.

L-investimenti fis-saħħa, appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew, se jiġu assenjati għal elementi speċifiċi bħalma huma t-tisħiħ tal-kura primarja u l-kura bbażata fil-komunità, il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, il-programmi għal anzjanità attiva u b’saħħitha, taħriġ mediku kontinwu u s-saħħa elettronika. 

Il-fondi se jintużaw ukoll għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-kura tas-saħħa, inklużi l-SMEs attivi fis-settur tas-saħħa, il-bini tal-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva għall-awtoritajiet tas-saħħa, u programmi biex titjieb l-effiċjenza enerġetika tal-isptarijiet jew il-ġestjoni ta’ skart mediku perikoluż.

L-investimenti fl-infrastruttura tas-saħħa fil-perjodu ta’ programmar 2014-2020 huma mmirati u mfassla aħjar milli fil-perjodi preċedenti ta’ programmar u, skont ir-regoli l-ġodda tal-FSIE għall-2014-2020, iridu jkunu konformi ma’ oqfsa ta’ politika strateġika nazzjonali jew reġjonali.  Essenzjalment: se jkunu orjentati aktar lejn il-kisba ta' riżultati sostenibbli.  

L-ambitu u l-baġit ta’ dawn l-investimenti jvarjaw bejn il-pajjiżi, iżda b’mod ġenerali, it-28 Stat Membru qed jippjanaw li jonfqu EUR 3.8 biljuni bejn l-2014 u l-2020 għall-infrastruttura tas-saħħa biss u EUR 954 miljun oħra għall-użu tal-ICT fis-saħħa. Barra minn hekk, aktar minn EUR 4 biljuni ġew magħżula għal investimenti relatati mas-saħħa hekk imsejħa “rotob” (kura tas-saħħa u soċjali magħquda flimkien kif ukoll azzjonijiet għal anzjanità attiva u b’saħħtu).

Id-Direttorat Ġenerali tagħna SANTE ilu jaħdem mill-qrib ma’ DĠ REGIO u DĠ EMPL, u jmexxi fil-qasam tal-FSIE, dwar l-użu ta’ dawn il-fondi għall-investimenti fis-saħħa, billi jagħti pariri dwar prijoritajiet tal-politika tas-saħħa, jipparteċipa f’konsultazzjonijiet bejn is-servizzi tad-dokumenti kollha ta’ programmar tal-FSIE u permezz tal-parteċipazzjoni f’laqgħat bejn is-servizzi u bilaterali mal-Istati Membri. Barra minn hekk, DĠ SANTE kellu rwol ewlieni fid-definizzjoni tal-hekk imsejħa “kundizzjonalità ex-ante” relatata mas-saħħa, li t-twettiq tagħha huwa prekundizzjoni għall-użu tal-FSIE għall-investimenti fis-saħħa.

L-investimenti tal-FSIE ma jibbenefikawx ċerti popolazzjonijiet bl-esklużjoni ta’ oħrajn – huma ta’ benefiċċju għalina lkoll u jgħinuna nilħqu l-mira li kull ċittadin Ewropew jingħata opportunità indaqs għal ħajja twila, b'saħħitha u produttiva. 

Investing in health through European Structural and Investment Funds

Aktar dwar din it-tema